L-Italja ssalva 28 wara li Malta tinjorahom – Alarm Phone

Read in English.

Grupp ta’ 28 persuna li talbu l-assistenza meta sabu ruħhom f’diffikultà f’ibħra Maltin ġew salvati minn bastiment tal-Gwardja tal-Kosta Taljana li ħadhom fil-gżira ta’ Lampedusa, l-għaqda mhux governattiva Alarm Phone tirraporta.

Però Alarm Phone ikkundannat in-nuqqas ta’ għajnuna offruta mill-awtoritajiet Maltin, kif ukoll in-nuqqas ta’ informazzjoni fuq operazzjonijiet ta’ salvataġġ min-naħa ta’ Malta u tal-Italja.

Il-grupp kien ċempel lill-Alarm Phone nhar il-Ħadd wara nofsinhar, peress li d-dgħajsa li kienu fiha spiċċat mitluqa fil-kurrent peress li spiċċa l-fuel.

Għalkemm beda jidħol id-dlam, l-awtoritajiet Maltin ma qalux jekk kienx hemm pjanijiet li jsalvaw il-grupp, filwaqt li l-immigranti kienu qed jaffaċċjaw xita u mewġ għoli f’dgħajsa li ma kellhom l-ebda kontroll fuqa.

Wara xi 6 sigħat, il-grupp spiċċa xi 18-il mil nawtiku minn Lampedusa, sakemm kien hemm intervent min-naħa tal-Italja.