L-Italja se tibqa’ fl-UE jew le?

L-Italja se jkollha titlaq mill-Unjoni Ewropea jekk il-Populisti ma jwasslu għal bidla fl-Ewropa wara l-elezzjoni li jmiss f’Mejju. Dan qalu Claudio Borghi mill-partit Lega li jmexxi l-Gvern Taljan. 

Minkejja dan, il Moviment ta’ Ħames Stilel stqarr iktar tard li m’hemm l-ebda pjanijiet biex l-Italja toħroġ mill-Unjoni Ewropea u li min qed jgħid hekk għandu jieqaf.

“Naħseb li din hija l-aħħar opportunità,” qal Borghi li huwa wkoll ic-Ċermen tal-Kumitat tal-baġit waqt konferenza f’Milan. Hu kien qed jitkellem dwar li jispera li partiti populisti jirbħu l-maġġoranza tas-siġġijiet fil-Parlament Ewropew. 

“Jew jirnexxilna nibdlu l-Ewropa issa jew ikollna nitilqu,” qal Borghi.

“M’għandna l-ebda intenzjoni li noħorġu mill-UE”

Sadattant, Francesco D’uva mill-partit ta’ Ħames Stilel qal li m’għandom l-ebda intenzjoni li joħorġu lill-Italja mill-Unjoni Ewropea. Qal ukoll li min iħabbar dawn l-ideat għandu jieqaf biex ma jeffetwax il-kunfidenza ta’ investituri fil-pajjiż.

Intqal ukoll li l-kummenti ta Borghi iktar kmieni illum kienu biżżejjed biex jikkawżaw ċaqlieq fir-rendimenti tal-bonds Taljani.