L-Italja mwissija minn Brussell minħabba l-ekonomija

Il-Kummissjoni Ewropea qalet li l-Italja hija waħda minn żewġ pajjizi membri tal-Unjoni Ewropea li għadhom jesperjenzaw “żbilanċ ekonomiku eċċessiv” b’riżultat tad-dejn kbir u progress żgħir fl-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali.
FL-aħħar rapport minn Brussell, il-Kummissjoni wissiet li l-Italja qed issoffri minn żbilanċi kbar fl-ekonomija u dan qed ikompli jżid it-tensjoni bejn l-UE u Ruma wara li l-partiti Ewroxettiċi u populisti kellhom rebħa fl-elezzjonijiet li saru madwar il-pajjiż kollu l-Ħadd li għadda.
Brussell qed tkompli tanalizza u ssegwi l-iżviluppi li qed iseħħu fl-Italja hekk kif il-Moviment Ħames Stillel (M5S) ħareġ rebbieħ fuq il-partiti l-oħrajn kollha iżda għadhom ma sabux partit li jista' jiggverna magħhom f'koalizzjoni.
Matteo Salvini, kap tal-Lega Nord, partit li huwa kontra l-immigrazzjoni, qal li qed ifittex li jifforma Gvern ta' koalizzjoni. Qal li "se jmorru lejn l-Ewropa biex ibiddlu r-regoli li fallew lit-Taljani".
Il-Partiti taċ-ċentru lemin qed jingħaqdu flimkien biex jibdew in-negozjati għal ftehim ta’ Gvern bejniethom. Jekk jintlaħaq dan il-qbil, Salvini mistenni jkun il-Prim Ministru tal-Italja wara li l-Partit tiegħu ġab aktar voti mill-Partit Forza Italia ta’ Silvio Berlusconi.