Aġġornata: Malta se tieħu n-nies mill-vapur?

Il-Prim Ministru tal-Italja Giuseppe Conte qed ifittex pajjiżi oħra biex jieħdu l-450 immigrant li ġew salvati minn vapur iffullat fil-Mediterran is-Sibt li għadda. Dan kien konfermat minn sors fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Taljan mal-midja internazzjonali.

Vapur operat minn Frontex u bastiment tal-pulizija Taljana salvaw lill-immigranti ħdejn il-gżira Taljana ta’ Linosa. Malta ma ċedietx għall-pressjoni minn Ruma nhar il-Ġimgħa biex tieħu responsabbilità tas-salvataġġ hekk kif dawn kienu aktar minn 100 mil nawtiku ‘l barra minn Malta.

Skont l-istess sors tmien immigranti ttieħdu Lampedusa biex jingħataw assistenza u trattamenti mediċi.

Żied jgħid li “L-immigranti jistgħu jitqassmu ma’ pajjiżi oħra Ewropej inkella l-Italja se tikkuntattja l-Libja biex tibgħathom lura. L-Italja għadha mhix lesta biex volontarjament tieħu, waħedha, problema li taffettwa l-pajjiżi Ewropej kollha.”

Risposta mill-Uffiċju tal-Prim Ministru Joseph Muscat

Fi stqarrija mill-Uffiċju tal-Prim Ministru, ħarġet li Malta se tgħin tirreloka numru ta’ immigranti minn dawk l-450 li salvaw l-Italja.

Newsbook.com.mt pruvat tikkuntattja kelliema għall-Uffiċju tal-Prim Ministru biex tikkonferma hux se nkunu qed nieħdu ammont minnhom, iżda ma rnexxilhiex tieħu informazzjoni.

Huma sostnew li dan isegwi l-mod ta’ kif Malta għenet fil-każ tal-MV Lifeline, meta 9 pajjiżi, inkluż l-Italja, qasmu 234 immigrant.