L-Italja bl-akbar żieda ta’ persuni bil-covid minn April

Emergenza_coronavirus
Dipartimento Protezione Civile

Read in English.

L-Italja rreġistrat 4,458 każ ġdid ta’ coronavirus fl-aħħar 24 siegħa, skont rapporti tal-Ministeru tas-Saħħa fil-pajjiż. Dan kien l-ewwel darba li l-pajjiż qabeż l-4,000 infezzjoni f’ġurnata waħda sa min-nofs ta’ April.

Kien hemm ukoll 22 mewta marbuta mal-COVID-19, disgħa inqas mill-ġurnata ta’ qabel – ferm anqas minn dawk li kienu qed jitilfu ħajjithom fl-eqqel tal-pandemija fl-Italja f’Marzu u April.

Il-Ministru tas-Saħħa Roberto Speranza qal li ċ-ċifri tal-infezzjonijiet mistennija jitilgħu ferm aktar.

“M’għandnix in-numri (għoljin) ta’ pajjiżi Ewropej oħra, iżda l-każijiet ilhom jiżdiedu għal disa’ ġimgħat u se jkomplu jiżdiedu”, qal Speranza waqt Konferenza Diġitali ta’ EY f’Capri.

“Dan hu dak li qed nistennew, skont kif ġara fuq livell Ewropew. Irridu niżguraw li l-miżuri li ġew adottati, l-ewwel u qabel kollox l-użu tal-maskri, il-ħasil tal-idejn u li nevitaw li niltaqgħu fi gruppi, jiġu rispettati b’mod mill-aktar skrupluż”.