Awdjo: “L-istituzzjonijiet tal-Knisja għandhom jinfetħu iktar għaż-żgħażagħ” – l-Isqof Scicluna

L-Isqof Awżiljarju Charles J. Scicluna tkellem dwar l-importanza li l-istituzzjonijiet tal-Knisja jinfetħu iktar għaż-żgħażagħ. Huwa qal dan f’kummenti li ta fuq radju RTK waqt li kien qed jieħu sehem fil-programm Newsbook fis-Sajf.

Fi kliem l-Isqof Scicluna, l-esperjenza tal-Jum Dinji taż-Żgħażagħ mhux biss tagħmel liż-żgħażagħ protagonisti tal-fidi iżda wkoll tgħinhom jindunaw li mhumiex weħidhom.

L-Isqof Awżiljarju stqarr li t-tema tal-Papa Franġisku bl-għajta ta’ “morru għamlu dixxipli fil-ġnus kollha” tirrifletti t-tama f’Gesù Kristu, li permezz tagħha ż-żgħażagħ ikunu dixxipli tal-Mulej u protagonisti fix-xandir tal-evanġelju.

Dwar is-simboli uffiċċjali li kkaratterizzaw il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, is-Salib u l-ikona tal-Madonna, l-Isqof Scicluna qal li dawn kienu simboli magħżula mil-Beatu Papa Ġwanni Pawlu II. Temm jgħid li dawn ifakkru fil-qawmien ta’ Ġesù mill-mewt u jissimbolizzaw it-tama fil-fidi Nisranija.