L-istudju dwar l-Inċineratur quddiem il-Kumitat ġdid iżda mhux ippublikat fil-Parlament

Il-Ministru tal-Ambjent José Herrera qal li r-rapporti kollha dwar l-aħjar soluzzjonijiet differenti fl-immaniġġar tal-iskart, li saru minn Esperti bejn l-2008 u llum, jinsabu quddiem il-Kumitat ġdid għall-Immaniggjar tal-Iskart li se janalizza u jgħaqqad l-istudji differenti li saru u jipproponi l-aħjar teknoloġija li tista’ tiġi użata, biex il-pajjiż ma jibqax dipendenti mill-miżbliet, iżda jkun hawn impjant modern li minnu wkoll inkunu nistgħu niġġeneraw l-enerġija.
Dr Herrera qal dan għall-mistoqsija Parlamentari Ryan Callus li talab lill-Gvern biex jippubblika l-aħħar studju li twettaq fil-leġiżlatura li għaddiet.
Il-Ministru Herrera qal li l-Oppożizzjoni setgħet faċilment ikollha kopja tar-rapporti kieku ssieħbet u pparteċipat fil-kumitat il-ġdid.
Dr Herrera qal li l-Oppożizzjoni qed tibqa’ tippersisti fin-negattività.
Minkejja dan il-Ministru Herrera ma laqax it-talba tad-deputat Callus u ma ppublikax ir-rapport.
Ir-rapport jitratta dwar ‘soluzzjonijiet’ biex jonqos l-impatt fuq l-unika engineered landfill li skont tweġiba Parlamentari oħra baqala massimu ta’ tliet snin biex timtela.