“L-istudji dwar il-mina se jiġu ppubblikati fiż-żmien li ġej” – Il-Gvern

Wara appell ieħor mill-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent sabiex l-istudji u r-riċerka dwar il-mina jiġu ppubblikati, il-Gvern fi stqarrija mibgħuta mill-Ministeru għall-Infrastruttura qal li l-istudji mistennija jiġu ppubblikati fiż-żmien li ġej.

Fl-istqarrija l-Ministeru sostna li l-proġett ta’ konnettività permanenti bejn Malta u Għawdex qed jitwettaq bl-akbar reqqa, filwaqt li insista li huwa essenzjali sabiex il-familji f’Għawdex igawdu minn kwalità ta’ ħajja aħjar b’aċċess għal opportunitajiet soċjali u ekonomiċi tal-familji f’Malta.

Aqra: “Ebda informazzjoni soda u rigoruża” dwar il-mina – Kummissjoni Ambjent

Min-naħa tagħha, il-Kummissjoni tenniet it-talba tagħha għal studji li juru l-opportunitajiet ta’ xogħol u investment f’Għawdex li jistgħu jinħolqu permezz ta’ dawn l-alternattivi kif ukoll studji li juru l-fatturi li xorta jżommu investituri milli jinvestu f’Għawdex meta dawn l-alternattivi jkunu twettqu.

Il-Ministeru spjega li l-istudji kollha meħtieġa, fosthom dawk tekniċi, ekonomiċi u ambjentali saru jew qed jiġu ffinalizzati minn esperti indipendenti. Dawn se jiġu ppubblikati bħala parti mill-proċess tad-determinazzjoni tal-permessi kollha meħtieġa biex ikun jista’ jibda t-tħaffir tal-mina. Il-Ministeru tenna li l-istudji qiesu fost l-oħrajn il-viabilità tal-proġett, l-impatti pożittivi u negattivi li jista’ jkollu fuq is-soċjetà, fuq l-ekonomija u oqsma oħra.

Il-Ministeru spjega wkoll li l-istudji se jkunu l-bażi li fuqhom issir il-konsultazzjoni pubblika finali li jwasslu għad-deċiżjoni li tittieħed mill-awtoritajiet.