L-istudenti Taljani lura l-iskola

FILE PHOTO: REUTERS/Remo Casilli/File Photo

Aktar minn 5.6 miljun student Taljan illum jerġgħu lura fil-klassijiet hekk kif il-parti l-kbira tal-pajjiż dalgħodu jiftaħ l-iskejjel tiegħu mill-ġdid.

B’kollox, jekk wieħed jgħodd ir-reġjuni li fihom l-iskola tibda ftit aktar tard, aktar minn 8.3 miljun student mistennija jibdew is-sena skolastika l-ġdida. Minnhom, 7.5 miljun jattendu skejjel u istituzzjonijiet tal-Istat.

F’messaġġ fuq Facebook ilbieraħ filgħaxija, il-Prim Ministru Giuseppe Conte qal: “It-Tnejn sejrin lura l-iskola. Se jkun mument emozzjonanti. Hija emozzjoni li se nkun qed nesperjenza kemm bħala Kap tal-Gvern li huwa kommess li nirritoraw b’mod sigur iżda wkoll bħala missier”.

“Se jkun hemm diffikultajiet u inkonvenjenzi, speċjalment fil-bidu. Trid tagħmel il-parti tiegħek, trid timpenja lilek innifsek li tirrispetta r-regoli biex tipproteġi saħħtek u s-saħħa tal-persuni li tħobb u li jħobbuk. Is-sistema edukattiva tbati wkoll minn nuqqasijiet strutturali li ilna nġorru snin, u li l-pandemija kompliet ħarrxet. 

Insellem lill-għalliema: għamiltu sforz straordinarju f’dawn ix-xhur ta’ lockdown billi komplejtu tgħallmu minn djarkom, dan ma kienx faċli iżda għamiltu biċċa xogħol mill-aqwa u ta’ dan aħna grati.

Nirringrazzja wkoll lill-familji, l-ommijiet, il-missirijiet, li għamlu tant sagrifiċċji.

Nirringrazzja wkoll lill-amministraturi u l-persunal kollu tal-iskejjel: f’dan is-sajf ma waqaftux, ħdimtu biex tkunu lesti għal dan il-jum tal-ftuħ mill-ġdid. Aħna qegħdin magħkom, se nkunu qed nappoġġjawkom, issa u fil-ġranet u x-xhur li ġejjin”.