L-istudenti tal-mediċina jridu li s-servizzi tas-saħħa mentali jmorru Mater Dei

L-Assoċjazzjoni Maltija tal-Istudenti tal-Mediċina (MMSA) irrakkomandat li s-servizz tal-kura tas-saħħa mentali għandu jimxi lejn Mater Dei biex titnaqqas l-istigma.
Din ir-rakkomandazzjoni kienet waħda minn sitta ppubblikati mill-assoċjazzjoni fi stqarrija.
Huma saħqu li s-servizzi ta’ r-rijabilitazzjoni u l-integrazzjoni fil-komunità tista’ tinkludi wkoll għajnuna biex dawn isibu xogħol wara li jkunu rrijabilitaw ruħhom.
Ir-rakkommandazzjonijiet huma dawn:

  1. Il-faċilitajiet ta’ Monte Karmeli għandhom jitranġaw b’tali mod li jiġu żgurati s-sigurtà u l-kumdità għall-pazjenti. It-taħriġ għall-istaff li jaħdem f’Monte Karmeli għandu jkun wieħed aġġornat maż-żminijiet.
  2. Is-servizzi tal-kura tas-saħħa mentali għandhom jiġu integrati ma’ dawk ta’ Mater Dei biex jiffunzjonaw bħala entità waħda minflok jibqgħu iżolati.
  3. Jinħolqu linji gwida biex b’hekk ikun hemm edukazzjoni dwar is-saħħa mentali minn livel primarju sa dak terzjarju, u dawn ikunu segwiti mill-istitutuzzjonijiet edukattivi. Dawn iservu biex jilħqu tfal minn età żgħira anki b’għarfien kontra l-istigma.
  4. Ikun ipprovdut ukoll għarfien dwar is-servizz ta’ counselling f’kull livel biex b’hekk l-istudenti jkunu jistgħu jsibu l-għajnuna meħtieġa.
  5. Gruppi ta’ counselling u sapport jiġu introdotti fil-kura primarja tas-saħħa mentali qabel ma wieħed ikollu għalfejn jirrikori għall-psikjatra jew kura medika. Dawn is-sistemi għandhom jiġu promossi anki fuq il-postijiet tax-xogħol u jkun assigurat li huma aċċessibbli għall-istaff kollu. Check ups dwar is-saħħa mentali fuq bażi ta’ rutina jaf ikunu ta’ benefiċċju speċjalment jekk il-post tax-xogħol huwa wieħed stressanti.
  6. L-integrazzjoni mill-komunità ta’ pazjenti li jkunu rrikoveraw minn problemi tas-saħħa mentali tiġi inkorraġuta. Din tgħin biex l-istigma assoċjata mas-saħħa mentali titnaqqas.

Ritratt: Ian Noel Pace