L-istudenti tal-mediċina b’appell: “Jekk m’għandekx sintomi, xorta jaf qed iġġorr il-virus”

Woman-wearing-face-mask-due-to-coronavirus-pandemic-7
Miguela Xuereb

L-Assoċjazzjoni tal-Istudenti tal-Mediċina f’Malta (MMSA) appellat lill-pubbliku biex jimxi mal-miżuri u l-linji gwida maħruġin mill-awtoritajiet tas-saħħa pubblika, speċjalment f’dawn il-vaganzi u fil-vaganzi tal-Milied.

Fi stqarrija, l-MMSA enfasizzat l-importanza li n-nies jilbsu l-maskri sew, li jirrispettaw id-distanza soċjali u li jaħslu jdejhom sew.

L-għaqda studenteska fakkret li wieħed jista’ ma jkollux sintomi iżda xorta jkun qed iġorr il-virus u jista’ anke jgħaddih lil ħaddieħor. Kull min għandu s-sintomi ġie inkoraġġit jibqa’ d-dar, jagħmel kwarantina jew jiżola ruħu, skont il-parir mogħti mill-awtoritajiet tas-saħħa. L-istudenti fakkru fir-responsabbiltà li għandu jġorr kulħadd sabiex is-sistema tas-saħħa ma tispiċċax mgħobbija żżejjed.

Huma semmew kif iż-żieda ta’ pazjenti bil-Covid-19 fl-ITU qed twassal għal limiti fir-riżorsi umani. Żiedu jgħidu li li jiżdiedu s-sodod mhux se tkun biżżejjed. L-assoċjazzjoni qalet ukoll li operazzjonijiet li m’għandhomx x’jaqsmu mal-coronavirus qed jispiċċaw jitħassru ta’ bla ħsieb, xi ħaġa li rrefera għaliha wkoll illum il-Kap tal-Oppożizzjoni waqt intervista li saritlu fuq it-televixin.

L-MMSA semmiet ukoll problema li ilhom jirreferu għaliha l-professjonisti tas-saħħa – li l-contact tracing waqa’ lura minħabba l-għadd kbir ta’ każijiet li qed jiġu rrapputati ta’ kuljum.

“M’hemmx skużi” biex il-maskri ma jintlibsux sew

Kliem l-MMSA dewa kliem is-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci billi din nhar il-Ġimgħa għamlet appell biex in-nies ma jippruvawx isibu skuża biex ma jilbsux il-maskra. L-MMSA insistiet li l-maskri għandhom jintlibsu kif suppost mingħajr ebda skużi, speċjalment minn nies influwenti li jirrappreżentaw lin-nazzjon u jiggwidawh.

L-għaqda appellat ukoll biex il-midja soċjali tintuża sew, billi l-pubbliku jfittex aħbarijiet mingħand sorsi uffiċjali ħalli ma jkunx hemm ansjetà u stress bla bżonn.

Wissiet li għalkemm in-nies vulnerabbli huma l-aktar affettwati bil-Covid-19, il-virus jista’ jaqbad lil kulħadd u jista’ jwassal għal kumplikazzjonijiet severi wkoll. L-istudenti appellaw lin-nies biex ma joqogħdux lura minħabba l-biża’ mill-virus jekk ikollhom bżonn għajnuna medika.

L-aħħar appell tal-għaqda fl-istqarrija tagħha kien dwar is-saħħa mentali. Qalet li jeħtieġ li tintemm l-istigma marbuta mal-Covid-19, u inkoraġġiet lil kulħadd biex iċempel jew jikkuntattja lill-qraba, lill-ħbieb jew lill-kollegi li jkollhom il-virus jew ikunu qed jiżolaw lilhom infushom.