L-istudenti tal-MCAST jilmentaw għax intalbu jkomplu l-apprentistati

L-MCAST ħabbar li l-apprentistati tal-istudenti se jkomplu, u ħeġġiġhom biex jirritornaw fil-post fejn qed iwettqu apprentistat bħala parti mill-kors tagħhom malajr kemm jista’ jkun. Madankollu ħafna studenti jinsabu mħassbin dwar dan minħabba l-imxija tal-coronavirus.

L-għaqda studenteska SDM qalet li rċeviet diversi lmenti mingħand studenti li jħossuhom konfużi minħabba din is-sitwazzjoni.

Dan peress li ħafna kumpaniji m’aċċettawhomx lura, u meta l-istudenti kitbu lill-MCAST dwar dan, qajla rċivew għajnuna, peress li l-Kulleġġ qalilhom sabiex jibdew ifittxu apprentistat ieħor. Dan huwa ta’ tħassib, qalet l-SDM, peress li normalment huwa l-kulleġġ li jsib u jagħmel kuntatt mal-kumpaniji għall-apprentistati.

Il-Kunsill Studenti MCAST (KSM) ħareġ stqarrija li fiha qal li kiteb lil Dr Nadia Maria Vassallo, id-Deputat Prinċipal tal-Kurrikulu u Affarijiet tal-Istudent, u lis-Sur Martin Borg, id-Direttur tad-Dipartiment tal-Internships u t-Tagħlim Ibbażat fuq ix-Xogħol.

Dawn ikkjarifikaw il-pożizzjoni tal-MCAST billi ħarġu xi linji gwida għall-istudenti:

  • Studenti vulnerabbli jew li jgħixu ma’ nies vulnerabbli għandhom jikkuntattjaw lill-kumpanija tal-apprentistat u lill-MCAST biex javżawhom u jehmżu d-dokument tas-saħħa provdut mill-Gvern; se jitħallew ikomplu l-vjaġġ akkademiku tagħhom
  • Il-kumpanija taf titlob lill-istudenti jaħdmu mid-dar, jew il-kumpanija forsi ma tiftaħx il-bibien tagħha għalissa
  • L-istudenti msemmija, dawk vulnerabbli u dawk li l-kumpanija se tibqa’ magħluqa, għandhom jagħmlu kuntatt mal-MCAST sabiex ikunu jistgħu jipproċedu għas-sena akkademika li jmiss xorta waħda

🔴APPRENTICESHIP STATEMENT UPDATE🔴Dear Students,As stated in the previous statement,#KSM has immediately contacted…

Posted by KSM – Kunsill Studenti MCAST on Thursday, May 21, 2020

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn