L-istudenti tal-GĦSL bi stqarrija prematura – l-Università

L-Università tgħid li l-maġġoranza tal-korsijiet tal-Liġi se jkunu b'assignment u mhux b'eżami

Miguela Xuereb

L-Università ta’ Malta wieġbet għall-allegazzjonijiet tal-Għaqda Studenti tal-Liġi (GĦSL) u qalet li l-istqarrija tagħhom kienet prematura.

Ilbieraħ l-istudenti tal-GĦSL qalu li huma se jkunu kostretti jpoġġu għall-eżamijiet ta’ Ġunju li fil-fehma tagħhom l-Università ma ħejjithomx b’mod tajjeb. L-Università ċaħdet din l-allegazzjoni u spjegat li l-lezzjonijiet komplew b’mod onlajn b’mod regolari u skont kif skedat għajr għal ġimgħa waħda biss li fiha l-lezzjonijiet waqfu biex il-lecturers jieħdu taħriġ speċjalizzat dwar kif għandhom jipproċedu bil-lezzjonijiet onlajn.

Newsbook.com.mt jinsab infurmat ukoll li fost dan id-diżgwid, il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici kien infurmat bit-talba tal-istudenti u saħansitra bagħat imejl lid-Dekan biex jirrikunsidra l-pożizzjoni tiegħu.

Stqarrija mmirata lejn id-Dekan

L-istqarrija tal-Għsl kienet immirata lejn id-Dekan tal-Fakultà tal-Liġi li fil-fehma tagħhom ħadem kontra l-interessi tal-istudenti. Huma qalu li d-Dekan ħadilhom il-vot waqt li ttieħdet id-deċiżjoni fil-Bord tal-Faklultà.

L-istudenti kienu qed jippruvaw li jkollhom assignments flok eżamijiet bl-Università tgħid li l-maġġoranza tal-korsijiet se jkunu b’assignments iżda hemm oħrajn li jridu jsiru fil-forma ta’ eżami fid-dar.

Sors qrib l-Università qal lil Newsbook.com.mt li jekk it-talba tal-istudenti kienet se tiġi aċċettata, l-assignments għal korsijiet speċifiċi ta’ 10ECTS kien irid ikollhom tal-inqas 10,000 kelma. Fi kliem is-sors ta’ Newsbook.com.mt din kienet tkun kawża ta’ aktar ansjetà fost l-istudenti peress li t-tul ta’ assignment wieħed kien ikun iqarreb lejn dak ta’ teżi.

Għal dan kollu, l-Università qalet li l-Bord tal-Fakultà ddeċieda favur l-għażla ta’ eżami u qies din id-deċiżjoni bħala approvata. L-Università qalet ukoll li kien hemm diskussjoni ta’ siegħa fuq dan is-suġġett u peress li ma kienx hemm diżgwid partikolari mexxew bid-deċiżjoni. Fl-ebda punt ma kien hemm talba għal vot formali.

L-Università ma weġbitx għall-istqarrijiet separati li saru minn għaqdiet oħrajn li jirrappreżentaw l-istudenti tal-liġi fosthom ELSA u JCA.