L-istudenti tal-Għargħur iħawlu siġar indiġeni

Studenti tal-ħames sena mill-Iskola Primarja ta’ Ħal Għargħur flimkien ma’ impjegati tal-Awtorità Maltija għall-Ambjent u l-Ippjanar, ħawlu numru ta’ siġar indiġeni fil-periferija tal-iskola.
Fi stqarrija, il-MEPA qalet li qabel it-tħawwil tas-siġar, grupp ta’ studenti ħejjew reċta u preżentazzjoni dwar ir-relazzjoni li teżisti bejn is-siġar, il-kwalità tal-arja u l-ekosistema.
Impjegat tal-MEPA għamel ukoll demostrazzjoni lill-istudenti dwar kif l-aħjar tħawwel siġra u l-aħjar prattiċi dwar kif is-siġar għandhom jinżabru.
Is-siġar indiġeni li ħawlu jinkludu l-Fula tal-Klieb, Sambuka u s-siġra tal-ħarrub.
L-istudenti li pparteċipaw ingħataw pubblikazzjoni tal-MEPA dwar siġar komuni u tħawwil ta’ arbuxelli f’Malta.
Din l-inizjattiva hija parti mill-programm dwar ir-Responsabbiltà Korporattiva Soċjali. Ix-xahar id-dieħel, il-MEPA se tappoġġja lill-Fondazzjoni Inspire bil-parteċipazzjoni tagħha fl-attività It’s A Knock Out.