L-istudenti ta’ Laura Vicuña jiċċelebraw il-festa online

L-istudenti tal-iskola primarja ta’ Laura Vicuña f’Għawdex iċċelebraw il-festa ta’ Marija Għajnuna tal-Insara b’sessjoni online. Illum l-24 ta’ Mejju tiġi ċċelebrata l-festa ta’ Marija Għajnuna tal-Insara li hija l-patruna tas-soċjetà tas-Sależjani madwar id-dinja kollha.

Madwar 80 student, ġenitur u l-għalliema tagħhom ingħaqdu flimkien biex jiċċelebraw b’mod differenti dik li għalihom ta’ kull sena kienet tfisser ġurnata mhux tas-soltu. B’differenza mis-snin li għaddew, l-istudenti ċċelebraw din il-festa permezz ta’ sessjoni online fuq il-pjattaforma Zoom. L-għalliema ħejjew programm ta’ talb u kant biex fl-istess waqt ikollhom ċans li jiltaqgħu b’mod virtwali f’dan iż-żmien tal-pandemija.

Mejju huwa meqjus bħala x-xahar Sależjan għaliex minbarra l-festa ta’ Marija Għajnuna tal-Insara, fih jiġu ċċelebrati wkoll il-festi ta’ San Domenico Savio (fis-6 ta’ Mejju) kif ukoll ta’ Madre Mazzarello (fit-13 ta’ Mejju).

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn