Filmat: L-istudenti mhumiex pedini taċ-ċess – KSU

Il-Kunsill Studenti Universitarji qal li irċieva 50 telefonata u aktar minn 200 imejl b’ilmenti mill-istudenti minħabba li waqfu n-negozjati bejn l-unjins u l-Gvern għar-reviżjoni tal-pagi.
Minn kampjun ta’ 400 student, jirriżulta li 80% tal-istudenti qed ikunu affettwati.
Dan intqal waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-KSU fl-Università minn Gayle Lynn Callus, Ryan Falzon u Becky Micallef. 
Il-President tal-KSU, Gayle Lynn Callus qal li jifhem il-pożizzjoni tal-unjins li jridu jaqbżu għad-drittijiet tal-għalliema u l-lekċerers, iżda sostna li f’dawn in-negozjati m’hemm ħadd li jaqbeż għall-istudenti. 
Enfasizza kif l-istudenti jinsabu fuq ix-xwiek biex ikunu jistgħu ikomplu bl-istudji tagħhom u hemm il-possibilità li l-applikazzjonijiet tal-Erasmus+ jilħqu jagħlqu.
Callus qal li sakemm jibdew joħorġu l-ewwel riżultati jista’ ma jkunx hemm ċans għar-reviżjoni tal-karti.
Il-KSU enfasizza li apparti l-istudenti, din is-sitwazzjoni qed tolqot ukoll il-ġenituri tagħhom.
Għall-mistoqsijiet ta' Newsbook.com.mt, Gayle Lynn Callus qal li saret laqgħa urġenti mal-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo li tahom assigurazzjoni li kienet se tinstab soluzzjoni f'laqgħa oħra mal-partijiet kollha l-għada. Għaldaqstant ma kienx hemm żblokk. 
Callus qal li l-Ministru Bartolo jinsab imsiefer u għalhekk il-pożizzjoni tiegħu bħalissa mhix magħrufa. 
Spjega li kollox jinsab wieqaf fin-negozjati mal-Ministeru tal-Finanzi dwar ir-reviżjoni tal-pagi tal-għalliema u l-lekċerers. 
Ġie spjegat li l-istudenti mhumiex pedini taċ-ċess u għalhekk tressqu numru ta’ proposti għan-negozjati, fosthom li l-KSU jibda jkollu rappreżentanza waqt in-negozjati fil-futur għaliex bħalissa jinsab bla vuċi u l-istudenti qed jispiċċaw vittma.
Fosthom il-proposti li tressqu kien hemm li l-paga tal-għalliema u l-lekċerers għandha tiżdied jew għallinqas jibqgħu l-istess. 
Ipproponew ukoll standards ogħla u użu aħjar tat-teknoloġija kif ukoll courseware feedback
Il-KSU se jniedi sistema għall-ilmenti anonimi onlajn għall-istudenti fejn jgħidu wkoll f’liema suġġetti qed jistennew ir-riżultati.
Filwaqt li ntqal li l-KSU għandu l-appoġġ ta' għaqdiet oħra studenteski ntqal ukoll li jistgħu isiru protesti jekk ikun hemm il-ħtieġa.