L-istudenti li ma jlaħħqux sa Jannar jibqgħu jbatu sal-aħħar tas-sena – kap ta’ skola

Read in English.

Kap ta’ skola primarja f’Malta qalet li l-istudenti tal-Year 1 li ma jlaħħqux sa Jannar jibqgħu jbatu sal-aħħar tas-sena.

Dan qalitu waqt intervista ma’ Charmaine Bonello li għamlet il-PhD tagħha mal-Università ta’ Sheffield.

Il-kap qalet li t-tfal iridu jippreparaw sew għall-Year 1. Żiedet tgħid li dawk li ma jlaħħqux sa Jannar ma jirnexxux u jibqgħu jbatu.

Però, waħda mill-Kapijiet tad-Dipartiment tal-Litteriżmu qalet li fil-Year 1 l-attivitajiet għandhom jiġu ppreżentati b’mod inqas formali. Tħoss li anke t-tfal tal-kindergarten jinsabu f’tiġrija kontra l-ħin.

Bonello sabet li t-tħassib dwar il-preparazzjoni għall-edukazzjoni formali tat-tfal fl-ewwel snin tal-primarja jwassal għall-ansjetà f’xi ġenituri. Fost id-diskussjonijiet li kellha ma’ ġenituri kien hemm dan id-djalogu bejn tlieta minnhom.

Lara: Tgħajtu extra work biex jikteb l-ittri. Jinkwieta meta l-għalliema tgħidlu li l-ittra li kiteb mhix tajba
Lorna: Jien nagħmel l-istess
Lara: Il-privat jaf jgħinu lil tiegħek
Lorna: Iva hekk kont qed naħseb
Lara: Lil tiegħi se nieħdu
May: Hekk għidt lill-għalliema. Minflok nibgħatu Skola Sajf nieħdu għall-privat fil-litteriżmu. Irrid nippreparah għal Year 2

L-għalliema li intervistat Bonello qablu li mhux is-subien kollha jkunu lesti għall-edukazzjoni formali.

“Ninnota li s-subien ibatu bil-memorja. Mhux qed ngħid li xi bniet ma jbatux imma hi aktar komuni fis-subien f’dan l-istadju,” qalet waħda mill-għalliema.

Xi ġenituri kkummentaw ukoll dwar il-qabża kbira bejn il-kindergarten u l-Year 1.

“It-tifel ħassu xxukjat peress li mhemmx ħin għal-logħob fil-Year 1. Iridu joqgħodu bilqieħda għal sitt sigħat u ma jiċċaqilqux,” qalet Maria.

“Veru. Fil-Kinder 2 kienu joħorġu fil-bitħa u jaqraw aktar mal-għalliema,” qalet Grace.

Skont it-teżi ta’ Bonello, il-ġenituri u l-għalliema jaħsbu li t-tfal tal-ewwel sena tal-primarja għandhom iżżejjed homework.

“Tal-Year 1 għandhom iżżejjed homework” – ġenituri