L-istudenti Kolombjani l-aktar li jibqgħu Malta biex jitgħallmu l-Ingliż

3.8% mit-turisti kollha li żaru Malta fl-2017 kienu fil-biċċa l-kbira studenti ta’ 15-il sena jew inqas li ġew fil-pajjiż biex jistudjaw l-Ingliż.
Din l-istatistika ħariġha l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), li ġabar l-informazzjoni għas-sena msemmija dwar dawn it-tip ta’ turisti.
Fost l-oħrajn, l-NSO qal li l-aktar li ġew studenti kienu mill-Italja (29.4%), il-Ġermanja (11.8%) u Franza (10.5%), li bejniethom it-tlieta kellhom aktar minn nofs l-istudenti kollha.
Barra minn dawn, kien hemm ukoll studenti li kellhom aktar minn 50 sena, iżda kienu fil-minoranza, meta ġew 5,741. L-istudenti ta’ anqas minn 15-il sena kienu b’kollox 32.3% tal-istudenti kollha.
It-total ta’ studenti kien ta’ 87,190, jiġifieri żieda ta’ 13.6% fuq l-ammont tas-sena ta’ qabel.
L-iskejjel liċenzjati li jgħallmu l-Ingliż bħala lsien barrani (ELT) irreġistraw Lulju bħala l-aktar xahar imħabbat, meta laqgħu 21,567 student, jiġifieri 24.7% tat-total.
Bejn wieħed u ieħor, kull student qatta’ kważi tliet ġimgħat f’Malta, ftit anqas mis-sena ta’ qabel, u b’kollox l-istudenti qattgħu 244,202 ġimagħtejn.
Il-Kolombjani kienu l-aktar li baqgħu Malta, b’medja ta’ ftit aktar minn 12-il ġimgħa. Warajhom kien hemm il-Koreani t’Isfel u t-Torok.
Finalment, fl-2017 kien hemm 1,225 għalliem f’istituzzjonijiet liċenzjati tal-ELT, bl-akbar parti minnhom ikollhom bejn it-18 u l-24 sena. 71.4% minnhom kienu nisa.
Fil-ħin liberu s-siti storiċi l-aktar popolari
Sadanittant, il-Ministru għat-Turiżmu, Konrad Mizzi, tkellem waqt konferenza tal-aħbrijiet dwar dawn iċ-ċifri, u feraħ li kien hemm żieda ta' 13% ta' dawn l-istudenti.
Semma kif skont sondaġġ tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu (MTA), dawn l-istudenti l-aktar li jżuru fil-ħin liberu tagħhom huma s-siti storiċi Maltin (74%), imbagħad is-siti arkeoloġiċi (46%), il-mużewijiet (41%), l-attivitajiet tal-kura tas-saħħa (14%), u finalment 10% jipprattikaw l-għads.