Iddefendu d-drittijiet tal-bniedem jekk tridu demokrazija sħiħa – Il-President lill-istudenti

OPR

L-istudenti jridu jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem jekk iridu jgħixu fil-paċi u f’demokrazija sħiħa u effettiva skont il-President Marie-Louise Coleiro Preca.

Il-President qalet dan meta kkommemorat s-70 Anniversarju tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem flimkien mal-għaqdiet taż-żgħażagħ Maltin waqt serata ta’ diskussjoni organizzata mill-Uffiċċju tal-President, fil-Palazz ta’ San Anton.

Waqt l-indirizz tagħha liż-żgħażagħ il-President Coleiro Preca qalet li l-impenn lejn il-prinċipji tad-drittijiet tal-bniedem, jwassalhom sabiex jifhmu li l-inġustizzji li jeżistu fuq livell soċjali, ekonomiku, jew ambjentali huma ta’ theddida għall-ħajja nnifisha.

Il-President qalet li tul it-terminu tagħha kellha l-opportunità li tiltaqa’ ma’ ħafna studenti u żgħażagħ, minn kull sfera tas-soċjetà, li impressjonawha bl-għerf, bid-determinazzjoni, u bil-viżjoni li għandhom għall-futur ta’ Malta u tad-dinja.

Fl-aħħar tad-diskussjoni, r-rappreżentanti tal-għaqdiet taż-żgħażagħ Maltin kixfu lapida kommemorattiva fil-Palazz ta’ San Anton.