L-istudenti jitolbu li l-MCAST jagħlaq għaċ-CHOGM

L-MCAST se jiftaħ b'mod normali fis-27 ta’ Novembru meta Malta se ssir il-laqgħa taċ-CHOGM. Dan qalitu kelliema għall-MCAST fuq FB b'reazzjoni għal petizzjoni onlajn minn aktar minn 1,400 student.
L-istudenti qed jitolbu li l-istituti tal-MCAST m'għandhomx jiftħu u għandhom jingħataw ġurnata bla lezzjonijiet nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Novembru minħabba ċ-CHOGM.
Sa issa aktar minn 1,400 student u studenta talbu fuq il-grupp MCAST Students fuq Facebook biex l-istitut jingħalaq bħalma se tingħalaq l-Università u skejjel oħra.
Fi kliem l-istudenta li bdiet it-talba, “minħabba l-avvenimenti li qed iseħħu madwarna anke aħna nkunu f’periklu.” L-istudenti se jwasslu l-kummenti tagħhom lill-amministrazzjoni tal-MCAST fil-ġranet li ġejjijn.
Newsbook.com.mt jinsab infurmat li l-ġimgħa li għaddiet kellu jitlaqa’ l-Bord tad-Diretturi tal-Istitut biex jieħu deċiżjoni. Iżda, kelliema għall-MCAST ma kinitx f’pożizzjoni li tikkonferma x’deċiżjoni ttieħdet.
Aktar minn 6,600 student jattendu korsijiet fid-diversi istituti tal-MCAST f’Malta u Għawdex.