L-istudenti Għawdxin “traduti u diżappuntati” li tħassret it-tender għall-fast ferry

Read in English.

L-għaqda tal-istudenti universitarji Għawdxin (GUG) qalet li l-kwistjoni tat-tielet kanċellazzjoni tas-servizzi tal-fast ferry bejn Malta u Għawdex hija daqqa oħra lura li se tkompli ddewwem il-possibbiltà li jkun hemm konnessjoni bżonjuża u għaġġelija bejn iż-żewġ gżejjer.

Dan wara li lbieraħ il-bord li jevalwa l-kuntratti pubbliċi ordna lil Transport Malta tħassar it-talba għall-proposti (RFP) għal kuntratt ta’ konċessjoni pubblika għas-servizz ta’ hop on, hop off bejn Malta u Għawdex.

L-istudenti Għawdxin saħqu li jħossuhom traduti u ddiżappuntati b’dan l-iżvilupp. Żiedu jgħidu li, “Dan id-dewmien se jkun qed jikkumplika l-ħajja ta’ bosta Għawdxin li jiddependu fuq servizz effiċjenti għall-vjaġġ tagħhom ta’ kuljum – wegħda li ilha tiġi repetuta għal dawn l-aħħar 8 snin, li tkun prominenti fl-aħbarijiet spiss qabel elezzjoni.”

Il-kawża kienet infetħet minn Virtu Ferries dwar is-servizz ta’ passiġġieri bil-baħar skedat minn u lejn numru ta’ destinazzjonijiet li jinkludu Għawdex, kif ukoll Marsaxlokk, Ta’ Xbiex, San Pawl il-Baħar, San Ġiljan u l-Belt Valletta. Il-kumpanija kienet qalet li dan is-servizz jinkludi għadd ta’ illegalitajiet.