L-istudenti għandom ikunu esposti aktar għal-lingwi barranin – eżaminaturi

Read in English.

Eżaminaturi tal-MATSEC qalu li l-istudenti f’livell avvanzat għandhom ikunu esposti aktar għal-lingwi barranin u għandhom jaqraw aktar.

Dan qaluh f’uħud mir-rapporti tagħhom li ħejjew wara s-sessjoni tal-eżamijiet tal-MATSEC f’Mejju tal-2019.

Nuqqas ta’ għarfien storiku jħalli effett fuq il-marki fit-Taljan

Fl-eżami tat-Taljan kien hemm 95 kandidati. Minnhom 53 ġabu bejn A u C (55.8%) filwaqt li 9 fallew (9.5%).

Fis-sezzjoni tal-kitba l-inqas titlu li ntgħażel kien dwar il-maġija. L-aktar titlu popolari kien wieħed introspettiv. L-eżaminaturi qalu li f’livell avvanzat l-istudenti għandhom jitgħallmu jesprimu ruħhom fuq suġġetti varji.

Fl-eżamijiet tal-lingwa l-marka medja ma kinetx waħda sodisfaċenti u 15-il kandidat biss laħqu l-livell ta’ 60% f’dawn l-eżerċizzi.

Fis-sezzjoni tal-antaloġija (xogħlijiet artistiċi inkluż dawk letterarji) in-nuqqas ta’ għarfien storiku u letterarju kellu impatt negattiv fuq il-marki.

Skont l-eżaminaturi, l-ammont ta’ kandidati tal-eżami avvanzat tat-Taljan qed ikompli jonqos. Il-livell tagħhom din is-sena ma kienx differenti wisq minn dak ta’ snin oħra.

“les buses”

Fl-eżami tal-Franċiż kien hemm 4 kandidati li ġabu A, 5 ġabu B, 13 ġabu C, filwaqt li 3 ġabu F. B’kollox kien hemm 51 kandidati.

Intqal li l-prestazzjoni tagħhom kien aktar dgħajfa din is-sena mqabbla mas-sena l-oħra.

Fis-sezzjoni tal-kitba fit-tul instab li l-kandidati ħassewhom aktar komdi jirriproduċu materjal li probabilment kienu diġà ħadmu fuqu milli jiktbu dwar xi tema li toffri sfida akbar.

Instab li lingwi oħra kienu qed jinterferixxu fil-kitba tal-kandidati. Il-kitba ta’ “les buses” kien żball li spikka.

L-eżaminaturi saħqu fuq l-importanza tal-qari bil-Franċiż.

Fis-sezzjoni tad-dictation, dawk il-kandidati kollha li ġew eżaminati fuqha ġabu pass mark.

Instab li l-livell kien wieħed ġeneralment tajjeb fis-sezzjoni tal-konverżazzjoni ħielsa. L-akbar diffikultà tal-kandidati kienet biex isibu l-vokabolarju t-tajjeb biex jesprimu l-ħsibijiet tagħhom.

L-eżaminaturi qalu li l-lingwa miktuba kienet ġeneralment dgħajfa. Żballji bażiċi fil-grammatika ġew ippenalizzati b’mod aħrax.

Għandhom ikunu esposti aktar għall-Ġermaniż

B’kollox kien hemm 21 kandidat li poġġew għall-eżami tal-Ġermaniż – 14 inqas mill-2018.

Fosthom kien hemm 3 li ġabu A, 4 li ġabu B, 4 li ġabu C u 3 li ġabu F.

Skont l-eżaminaturi, il-livell tal-Ġermaniż tal-kandidati tal-2019 kien agħar mil-livell li normalment jintlaħaq.

Xi kandidati għandhom il-vizzju li jaqilbu sentenzi mill-Malti u l-Ingliż b’mod dirett għall-Ġermaniż.

L-eżaminaturi qalu li l-kandidati għandhom ikunu aktar preparati u li għandu jkunu esposti aktar għal-lingwa biex iġibu riżultati aħjar.

Ħadd ma jġib F fl-Ispanjol

B’kollox kien hemm 31 kandidati għall-eżami tal-Ispanjol. Minnhom 6 ġabu A, 5 ġabu B, u ħadd ma ġab F.

L-eżaminaturi tas-sezzjoni orali sabu li l-marka medja kienet inqas minn dik tal-2018.

Fil-parti tal-kitba l-kandidati rnexxielhom jesprimu l-ideat tagħhom b’mod ċar. L-aktar żbalji komuni kienu dawk ortografiċi u dwar l-aċċenti.

Ma jsirx rapport dwar l-eżami tar-Russu

Fl-eżami tar-Russu kien hemm 4 kandidati li ġabu A, 2 li ġabu B, 1 li ġab C u ieħor F. B’kollox kien hemm 8 persuni li poġġew għal dan l-eżami.

L-eżaminaturi qalu li ma setgħux jikkummentaw dwar kif marru l-kandidati minħabba r-riskju li tinkiser il-privatezza tagħhom.