L-istudenti għall-Ingliż f’Malta fl-2015 jonqsu b’2.6%

Kważi nofs l-istudenti (47.6%) li jżuru Malta biex jistudjaw l-Ingliż ġejjin mill-Italja (23.8%), mill-Ġermanja (13.7%) jew minn Franza (10.1%).
Hekk juru ċifri ppubblikati mill-NSO li juru wkoll li s-sena li għaddiet, imqabbla mal-2014, waslu f’Malta 2.6% inqas ta’ studenti biex jistudjaw l-Ingliż.
B’kollox, l-istudenti li kienu f’Malta għall-Ingliż kienu jaqbżu l-75,500, 28% tagħhom kellhom 15-il sena jew inqas. Anke f’dan il-qasam, l-istudenti nisa kienu jgħoddu iktar mill-irġiel.
Lulju kien l-iktar xahar imfittex, segwit minn Awwissu u Ġunju, bl-iktar korsijiet popolari jkunu dawk Ġenerali għall-Ingliż.
Bħala total, dawk li għażlu lil Malta biex jistudjaw l-Ingliż fissru 4.2% tat-turisti kollha li żaru lil Malta matul is-sena li għaddiet. F’Lulju waħdu, dawn fissru 7.7% tat-turisti.
Il-parti l-kbira tagħhom għażlu li joqgħodu ma’ familji għalkemm żdiedet l-akkomodazzjoni f’lukandi.
L-NSO qal ukoll li ż-żjara medja għal kull student kienet ta’ ftit iktar minn tliet ġimgħat għalkemm l-itwal żmien f’Malta qattgħuh studenti mill-Kolumbja, b’medja ta’ kważi 16-il ġimgħa, segwiti mil-Libjani u mit-Torok.
Qal ukoll li s-sena li għaddiet l-iskejjel tal-Ingliż f’Malta fissru mpjieg għal 1,444 għalliem, il-parti l-kbira tagħhom nisa u taħt l-24 sena. Fissru wkoll xogħol għal iktar minn 750 ħaddiem ieħor.