L-istudenti barranin jistgħu jkunu riżorsa għall-iskejjel – L-Isqof Grech

L-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech qal li l-istudenti barranin jistgħu jkunu riżorsa għall-iskejjel.

Dan qalu waqt quddiesa li fiha Mons. Mario Grech iltaqa’ mal-għalliema kollha li jgħallmu fl-iskejjel tal-Istat u tal-Knisja f’Għawdex fl-okkażjoni tal-ftuħ tas-sena skolastika fis-Santwarju Ta’ Pinu. Spjega li hemm bżonn attenzjoni partikolari biex l-istudenti barranin jintegraw ruħhom fis-soċjetà Maltija. Irrakkonta storja ta’ familja barranija li hija mħassba dwar it-tifel li ingħalaq fih innifsu u ma jridx jitħallat ma’ sħabu għax għandu diffikultà biex jikkomunika.

Altru għalliem dedikat u altru ieħor li jiskarta

“Għalliem li jasal biex jixgħel il-passjoni għat-tagħlim fl-istudenti, ikun ipprovdielhom iċ-ċavetta biex jiftħu t-teżori tal-għerf. Aktar ma l-għalliem jikkomunika li hu stess ikun tgħallem jitgħallem, aktar kapaċi jkun inċiżiv fuq l-istudenti. Aktar ma għalliem juri li jħobb l-iskola, aktar ikun konvinċenti biex iwassal l-istudenti jħobbu l-iskola. Fil-fatt, altru għalliem li huwa dedikat fil-professjoni u jipprepara l-lezzjoni, u altru ieħor li jiskarta mill-iskola jew joqtol il-lezzjoni bin-nuqqas ta’ ħeġġa li juri! Ħafna drabi l-għalliema jgħallmu wkoll bis-skiet tagħhom; jgħallmu bl-eżempju li jagħtu, aktar milli bit-teoriji pedagoġiċi.”

Skont l-Isqof, student isir iħobb l-iskola jekk l-għalliem jurih li jħobbu, fis-sens li jikkomunikalu li għandu interess ġenwin fih. L-Isqof qal ukoll li jkun hemm studenti b’ħiliet limitati. Faħħar lil dawk l-għalliema li jakkumpanjaw lill-istudent batut u jarawh jaqbad it-triq it-tajba.

L-għalliema huma msiebaħ li jdawlu l-iskejjel

L-Isqof qal li l-għalliema jħallu marka li lanqas iż-żmien ma jħassar mill-istudenti. Spjega li l-għalliema huma msiebaħ li jdawlu l-iskejjel li huma l-estensjoni tad-djar tat-tfal. “Intom dawl għall-istudenti jekk jirnexxilkom tgħinu lill-istudenti jħobbu l-iskola. Kif kien jgħid Dun Lorenzo Milani, saċerdot li ħadem għall-edukazzjoni tat-tfal foqra, is-sigriet tas-suċċess fl-iskola huwa li l-għalliem jirnexxi jekk kapaċi jwassal lill-istudent jitgħallem jitgħallem!” saħaq l-Isqof.

Mons. Grech qal li meta l-għalliem jgħin lill-istudent iħobb it-tagħlim, huwa jkun qabbad fih il-magna tal-għarfien u hekk jinfetaħ għar-realtà kollha. Żied jgħid li l-għalliema għandhom jgħinu lill-istudent jiġi f’kuntatt mar-realtà kollha kemm hi mingħajr ebda ċensura.

Preżenti għall-quddies kien hemm il-Prinċipal tal-Kulleġġ ta’ Għawdex Dr Denise Mifsud u d-Delegat tal-Isqof għall-Edukazzjoni u Service Manager għall-Iskejjel tal-Knisja Stephen Spiteri.