Strajk tal-infermiera se jaffettwa l-istudenti

Il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU) u l-Malta Health Students Association (MHSA) qalu li jinsabu f’kuntatt mal-Fakultà tax-Xjenzi tas-Saħħa fi ħdan l-Università ta’ Malta dwar l-azzjoni industrijali li qed issir mill-Unjin għall-Qwiebel u Infermiera (MUMN).
Fi stqarrija konġunta bejn KSU u MHSA, l-għaqdiet studenteski qalu li l-istudenti li qed jistudjaw biex isiru infermiera jinsabu mħassba dwar l-impatt negattiv li din l-azzjoni tista’ tħalli fuq  l-istudji tagħhom.
Newsbook.com.mt ra l-imejl mibgħut lill-infermiera mis-Segretarju Ġenerali tal-MUMN Colin Galea fejn qal li fl-aħħar xhur l-Unjin kienet qed tiddiskuti mal-Ministeri tas-Saħħa u tal-Edukazzjoni biex l-infermiera li joffru mentoring lill-istudenti fl-Isptar jitħallsu tiegħu.
Qal li dawn l-infermiera jagħmlu minn kollox biex jagħtu servizz lill-istudenti waqt l-istudji prattiċi tagħhom, imma l-fatt li n-numru ta’ infermiera u qwiebel li jagħmlu l-mentoring naqas drastikament, dawk il-ftit li għadhom jagħmluh jinsabu f’sitwazzjoni diffiċli.
Sostna li l-Unjin kellu jasal f’dan il-punt wara li l-uffiċċju tar-Relazzjonijiet Undistrijali li jaqa’ taħt ir-responsabilità tas-Segretarju Parlamentari jinsab dubjuż biex jilħaq ftehim mal-MUMN biex l-infermiera jitħallsu għall-mentoring.
F’konklużjoni kontradittorja Galea qal li l-Unjin ma tistax tippermetti li l-istudenti li qed jistudjaw biex isiru infermiera ma jingħatawx mentoring u taħriġ formali, madanakollu ordna biex l-infermiera ma jagħmlu l-ebda tip ta’ mentoring formali sakemm jintlaħaq ftehim biex l-infermiera u l-qwiebel jitħallsu ta’ dan ix-xogħol.
Galea żied jgħid li jekk infermiera jew qwiebel joffru li xorta jagħtu l-mentoring lill-istudenti mingħajr ħlas dawn mhux se jkunu qed jirċievu pagament meta u jekk jintlaħaq ftehim dwar dan il-każ.
Hu qal dan fid-dawl tal-fatt li professjonijiet simili oħra jitħallsu għall-mentoring li jagħtu.
Ma’ Newsbook.com.mt il-President tal-MHSA Kaitlyn Byrne qalet li l-mentoring mill-infermiera ta’ esperjenza hu ta’ importanza kbira hekk kif l-istudenti jiddependu minnhom biex jiffirmawlhom formola t’attendenza bħala prova li jkunu għamlu l-istudju prattiku fl-isptar, liema studju jġorr miegħu marki finali għall-kors universitarju.
Huma sostnew li t-tagħlim u mentoring tal-istudenti għandu dejjem jiġi mħares u li m’għandu qatt jintuża bħala pedina għal azzjoni industrijali, dan fid-dawl tal-fatt li ftit żmien ieħor dawn l-istudenti se jkunu l-kollegi tal-istess infermiera.
Il-President tal-KSU Robert Napier qal ma’ Newsbook.com.mt li l-Kunsill qed jappoġġja bis-sħieħ lill-MHSA għax din l-azzjoni industrijali qed isservi ta’ detriment għall-istudenti u li din it-tip ta’ azzjoni m’għandha qatt iżżomm l-iistudent ostaġġ. 
Tista' tara l-istqarrija tal-Għaqdiet studenteski minn hawnhekk.