L-istruttura ta’ Mater Dei tinsab f’riskju minħabba l-konkrit ħażin

Il-bord ta’ inkjesta mmexxija mill-eks-Imħallef Philip Sciberras li kellha tinvestiga l-konkrit użat fil-bini tal-isptar Mater Dei kkonkludiet li l-istruttura tal-isptar tinsab f’riskju.
Dan minħabba l-kwalità ħażina tal-konkrit li ntuża.
Il-konklużjonijiet tar-rapport tal-inkjesta ġew ippreżentati mill-Ministru għall-Enerġija u s-Saħħa Konrad Mizzi flimkien mas-Segretarju Parlamentari Chris Fearne li sostnew kif ittieħdu l-miżuri meħtieġa biex l-istruttura tal-Emerġenza f’Mater Dei tissaħħaħ minnufih.
Mir-rapport jirriżulta li dan ma kienx żball iżda miżura orkestrata li minnha bbenefikaw il-partijiet involuti fil-bini tal-isptar.
L-inkjesta kkonkludiet li t-testijiet li saru minn Skanska fl-1996 kienu qarrieqa. Ir-rapport jgħid li fi prattika mhux komuni, erbgħa mill-ħames testijiet twettqu minn Skanska filwaqt li t-test l-ieħor sar mit-Taqsima tax-Xogħlijiet.
Dan it-test ma sarx fis-sit ta’ Mater Dei iżda fl-uffiċċju tat-Taqsima wara li ġew mgħoddija kampjuni tal-konkrit użat.
Ġie determinat li s-saħħa tal-konkrit ma kienx kif meħtieġ iżda huwa ferm iżjed inferjuri.
Il-Ministru Konrad Mizzi qal li l-Partit Nazzjonalista għandu ħafna xi jwieġeb dwar il-bini tal-isptar Mater Dei.
Enfasizza kif se jittieħdu azzjonijiet ċivili kontra l-persuni involuti f’dawn id-deċiżjonijiet meta dawk responsabbli jiġu identifikati.
Il-Ministru Mizzi qal li talab lill-Pulizija tinvestiga l-konklużjoni tar-rapport li din kienet miżura orkestrata.
Iddeskriva kif fl-1996, id-Direttur tal-Taqsima tax-Xogħlijiet kien informa dwar ix-xogħol ħażin iżda l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi ma ħaditx azzjoni.
Sostna li mill-konklużjonijiet tal-inkjesta jirriżulta li l-ftehim iffirmat fl-1998 bejn l-FMS u Skanska kien jaġevola ferm lill-kumpanija.
Iktar tard, fis-seduta Parlamentari, il-Ministru għamel Stqarrija Ministerjali fejn informa lill-Kamra dwar l-eżitu tal-inkjesta.