“L-Istrina se ssir għax il-marid m’għandux ġurnata” – il-President

DOI - Clifton Fenech

Il-President George Vella qal li “l-Istrina se ssir għax il-marid m’għandux ġurnata jew ħin partikolari biex jingħata l-għajnuna.”

Fi stqarrija l-Uffiċċju tal-President qal li Vella qal li l-maratona annwali ta’ ġbir ta’ fondi se ssir bħas-soltu l-għada tal-Milied, fis-26 ta’ Diċembru. Saħaq li mhux se titħassar jew tiġi posposta.

Vella għadda dawn il-kummenti wara li kien hemm min qal li l-ispettaklu fuq it-televiżjoni tal-Istrina m’għandux isir fid-dawl tas-sitwazzjoni politika f’Malta.

L-avukat kontroversjali Franco Debono stqarr li l-Istrina mhux f’postha f’dawn iċ-ċirkostanzi għax fi kliemu “l-pajjiż umiltà u riflessjoni fis-silenzju għandu bżonn mhux teatrini, reċti u fanfarunati b’ċekkijiet daqs dinja”.

“Waqqfu l-Istrina; m’hemmx bżonn reċti u teatrini”

Vella kien qed jitkellem waqt żjara li għamel lill-Public Broadcasting Services (PBS) fejn iltaqa’ mal-Bord tad-Diretturi, il-Management, u l-ħaddiema tax-xandir nazzjonali.

Waqt iż-żjara, ġie ffirmat ftehim bejn il-Malta Community Chest Fund Foundation (MCCFF) u l-PBS biex jiġi formalizzat l-impenn li jeżisti bejn iż-żewġ naħat b’rabta mal-Istrina.  Il-ftehim bejn l-MCCFF u l-PBS ġie ffirmat minn Marlene Mizzi u Charles Dalli rispettivament.

Il-President Vella appella lill-PBS biex iwassal l-informazzjoni bl-iktar mod oġġettiv u skjett għax qal li għandu responsabilità kbira li l-messaġġ li jwassal jinfluwenza lin-nies li jsegwu l-aħbarijiet u l-programm tax-xandir nazzjonali.

Vella saħaq li fejn jidħol il-mard “ilkoll għandna naqblu u jkollna rieda komuni li dakinhar tal-Istrina l-poplu għandu ċans li jkun magħqud, minkejja dak li għaddej minnu l-pajjiż.”