Jinġabru €6.2 miljun waqt l-Istrina ta’ din is-sena

Aġġornat 09:52 AM
FB: L-Istrina

Read in English.

Waqt il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi l-Istrina inġabret is-somma ta’ €6,220,000 grazzi għad-donazzjonijiet tal-Maltin u l-Għawdxin.

Il-President ta’ Malta George Vella irringrazzja lill-poplu permezz ta’ Facbook.

Il-paġna tal-Istrina fuq Facebook ukoll irringrazzjat lil dawk kollha li taw id-donazzjoni tagħhom. Huma stqarrew li għal darb’oħra l-poplu ingħaqad biex għen lil min hu verament fil-bżonn.

€6,220,000IL-POPLU REĠA' GĦAL DARB’OĦRA INGĦAQAD BIEX JGĦIN LIL MIN HU FIL-BŻONN…GRAZZI MALTA, GRAZZI GĦAWDEX – TASSEW GĦANDNA GĦALFEJN INKUNU KBURIN!#Istrina19

Posted by L-istrina on Thursday, December 26, 2019

Jagħtu sehemhom f’din il-maratona kien hemm fost l-oħrajn l-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna, il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Propju s-sena li għaddiet, il-maratona laħqet ir-rekord ta’ €7,134,036, aktar minn miljun ewro iżjed mis-sena ta’ qabel. Fis-6pm, intlaħqet is-somma ta’ €3,000,000.

Il-President George Vella u martu, flimkien ma’ Henry, il-wiċċ tal-Istrina għal din is-sena, kienu preżenti għall-ftuħ tal-Istrina fil-12.15pm. Propju wara l-ftuħ, il-pubbliku sema l-istorja taċ-ċkejken Henry, li kellu bżonn trapjant tal-kliewi. Kien missieru li tah kilwa sabiex ikun jista’ jgħix.

Facebook: L-Istrina

Miriam Vella, mart il-President, qalet li qed tħossha eċitata ħafna f’din l-ewwel istrina tagħha. Insistiet li l-mużika tat-telefowns qed tinstema’ ferm sabiħa. Intant, il-President Vella, fakkar fid-diskors tiegħu tal-Milied, u spjega li l-għan tal-Istrina huwa li jingħata appoġġ lil bosta persuni li se jiġu bżonn l-għajnuna.

Kif tista’ tgħin?

  • 51902030 – €50
  • 51802012 €25
  • SMS: 50619201 €11.65
  • Pledge: 21262626
  • BOV Banking 79359565

Għall-ħabta tas-1pm żar il-maratona l-Prim Ministru Joseph Muscat u numru ta’ membri parlamentari u deputati tal-Gvern. Muscat iddeskriva lill-Malta Community Chest Fund bħala estensjoni tal-Istat Malti, ta’ dak kollu li jista’ joffri.

Muscat spjega li l-mediċini b’xejn li jagħti l-Gvern ġejjin mill-Malta Community Chest Fund. Qal li huwa għalhekk li l-avveniment tal-Istrina huwa wieħed importanti. Semma kif kumpaniji li jagħtu donazzjoni lill-Istrina jingħataw eżenzjoni mit-taxxa. Intant, il-Gvern ta donazzjoni ta’ €15,000.

GRAZZI!📞📱51902030 – €50 51802012 €25SMS: 50619201 €11.65Pledge: 21262626BOV Banking 79359565DIN IS-SENA F'IDEJK!#Istrina19

Posted by L-istrina on Thursday, December 26, 2019

Għall-ħabta tat-3.15pm ġie ppreżentat iċ-cheque min-naħa tal-Kurja tal-Arċisqof b’donazzjoni ta’ €1,000.

Għall-ħabta tat-3.20pm żar il-maratona il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia flimkien mad-deputati nazzjonalisti. Hu rringrazzja li dawk kollha preżenti li qed jagħmlu xogħol bla qies. Qal li dan hu l-jum li jgħaqqad lil Maltin u l-Għawdxin flimkien sabiex jgħinu. Qal li fil-festi tal-Milied it-tendenza hija li wieħed iħares biss lejn ir-rigali li se jaqla’ u jagħti. Qal imma li l-ħaġa l-aktar importanti huwa li nifmhu x’inhu l-veru spirtu tal-Milied, is-sodisfazzjon li dak li ngħatu narawh jitwettaq u jintuża’ u jkun ta’ għajnuna għal dawk verament fil-bżonn.

Għall-ħabta tal-5.15pm l-Arċisqof Charles Scicluna ngħaqad ma’ dawk kollha li qed jilqgħu t-telefonati tad-donazzjonijiet. Aktar tard f’messaġġ lill-pubbliku hu ħa l-opportunità biex isellem lil dawk kollha li qed jieħdu ħsieb l-morda f’Londra. Sostna li x-xogħol li qed isir illum huwa investiment għas-sena kollha.

Il-maratona li bdiet 21 sena ilu għenet għexieren ta’ persuni li kellhom bżonn flus sabiex ifiequ minn mard li ħafna drabi jirrikjedi eluf kbar ta’ Ewro għall-kura tiegħu.

Il-maratona ta’ din is-sena hija l-ewwel waħda li qed tkun appoġġjata minn George Vella bħala President. Fl-aħħar jiem huwa rribatta l-argument ta’ persuni li bdew jappellaw biex il-maratona titħassar. Hu sostna li l-istat li fih jinsab il-pajjiż m’għandux iwassal sabiex titwaqqaf maratona tat-tip li tgħin lill-morda. Irrimarka li l-marid m’għandux ġurnata.

Matul is-sena saru bosta inizjattivi sabiex jgħinu l-ġabra annwali biex tkompli tikber.