L-istrateġija tal-carbon neutrality trid tindirizza realtajiet differenti – Dalli lill-Ministri tal-UE

Read in English.

Il-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli appellat lill-Kunsill tal-Ministri tal-Enerġija biex jappoġġja strateġija dwar il-carbon neutrality li tindirizza r-realtajiet differenti tal-istati membri Ewropej. Madankollu hija saħqet li l-Unkjoni Ewropea trid tifhem li l-bżonnijiet ta’ dawk li jgħixu fit-Tramuntana tal-Ewropa huma differenti minn ta’ dawk li jgħixu fir-reġjun tan-Nofsinhar. Il-Ministru Dalli qalet dan waqt laqgħa mal-Ministri Ewropej responsabbli mill-enerġija.

Hija żiedet li, “l-iktar ħaġa importanti għal stat membru bħal Malta hi li jiġu kkunsidrati realtajiet speċifiċi ta’ stati membri differenti, partikolarment stati membri iżgħar li għandhom konnessjoni limitata jew l-ebda konnessjoni mal-grid kontinentali. Ir-realtajiet li jaffaċċjaw l-istati membri tat-Tramuntana huma totalment differenti mir-realtajiet li jaffaċċjaw l-istati membri tan-Nofsinhar. Dawn id-differenzi jridu jiġu kkunsidrati meta l-politika u l-programmi jiġu ppjanati u fformulati.”

Il-Ministri tal-Enerġija kellhom laqgħa virtwali li fiha ddiskutew il-prijoritajiet tal-pajjiżi Ewropej fid-dawl tar-reviżjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea dwar l-enerġija. F’Lulju, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat l-Istrateġija tal-UE għall-Integrazzjoni tas-Sistema tal-Enerġija, li tipprovdi l-qafas għat-tranżizzjoni tal-enerġija li ma tniġġisx.

Dalli spjegat li biex il-Green Deal jirnexxi, il-pajjiżi jridu jħarrġu u jippreparaw il-ħaddiema preżenti kif ukoll jiżguraw li l-ġenerazzjonijiet li ġejjin ikunu mgħammra bil-ħiliet meħtieġa. Kompliet li min-naħa l-oħra, il-konsumaturi għandhom bżonn ikunu infurmati biex jifhmu l-benefiċċji tanġibbli, ħafna drabi ta’ natura finanzjarja, iżda wkoll benefiċċji intanġibbli, bħall-impatt fuq il-klima, il-kwalità tal-arja u – fil-każ tad-djar – il-kumdità.