L-istrateġija kontra Daphne qed jużawha kontrija – Casa

Il-Membru tal-Parlament Ewropew Nazzjonalista David Casa qal li l-perverżjoni tal-liġi biex tagħlaq ħalq il-kritiċi tal-politiċi tal-Partit Laburista m’hix xi ħaġa ġdida. Spjega li hi strateġija li ntużat kontra l-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia,

Fi stqarrija, Casa qal li l-azzjoni li ttieħdet kontra Caruana Galizia kienet l-aktar permezz tal-libelli abbużivi biex ikissruha finanzjarjament.

Skont Casa r-regoli tal-kunfidenzjalità fil-liġijiet ta’ kontra l-ħasil tal-flus qegħdin hemm biex jiprevenu dawk suspettati milli jkunu jafu li qed jiġu investigati. Qal li fil-każ tal-Ministur Konrad Mizzi, ħafna mill-fatti diġà ġew ippubblikati.

L-MPE qal li r-rapport tal-aġenzija tal-Gvern kontra l-ħasil tal-flus (FIAU) li ppubblika jikkonkludi li għandha tittieħed azzjoni mill-Pulizija kontra l-Ministru Konrad Mizzi.

Casa qal li “hu terribbli li flok ma jkun assigurat li tittieħed azzjoni kontra l-kriminalità li tista’ tkun għadha għaddejja, l-FIAU qed jaġixxi bħall-politiċi korrotti li qed jiproteġi. Qed jattakka dawk li qed jinsistu li ssir ġustizzja u dawk li qed jikxfu li l-FIAU mhux qed jagħmel xogħlu, u jiżvela l-intenzjonijiet tiegħu – kemm direttament lill-ġurnali, jew agħar, lill-politiċi korrotti li qed jipproteġi.”

Casa qal dan b’referenza għal-leak fil-gazzetta Illum tal-intenzjoni tal-FIAU li jipproċedi kontrieh kriminalment.

“Il-ħtif tal-istituzzjonijiet issa wasal f’livell li m’għadux sapportabbli. L-għan hu ċar – theddid, intimidazzjoni u li jkissru lil dawk li qed ikunu bejn ir-rispett lejn il-liġijiet (is-saltna tad-dritt) u dawk li qed jippruvaw jimminawha” saħaq Casa.

Reazzjoni tal-PL

F’reazzjoni għall-istqarrija ta’ Casa, il-Partit Laburista qal li Casa għandu jieqaf jaħseb li hu ‘l fuq mil-liġi.

Il-PL qal li mhux se jkun qed jukkummenta fuq ir-rapport tal-FIAU.

Skont il-PL, huwa ċert li David Casa ppubblika rapport tal-FIAU mbgħabas u b’nuqqasijiet kbar.