L-istrajk tat-tobba jkompli għat-tieni jum minħabba “rekord ġdid fil-każijiet”

Read in English.

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) ħabbret illi l-istrajk tat-tobba se jkompli għat-tieni jum wara li laqgħa ta’ tmien sigħat bejn l-MCESD ma wasslitx għal qbil bejn il-MAM u d-delegazzjoni governattiva mmexxija mill-Prim Ministru Robert Abela u mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Għalhekk, il-MAM iddeċidiet li d-direttivi li ordnat ikomplu għat-tieni jum konsekuttiv. Fl-istess waqt, hija inkoraġġiet lill-Gvern biex jimplimenta proċedura ta’ emerġenza fl-Isptar Mater Dei.

Fi stqarrija lill-midja, il-MAM qalet li l-Gvern irrikonoxxa l-fatt li attivitajiet tal-massa huma problematiċi u qabel li jinforza regolamenti aktar ibsin billi jintroduċi l-multi. Il-maskri ġewwa se jsiru obbligatorji f’dawn l-attivitajiet u l-pulizija se jaraw li dawn jintlibsu. L-uffiċjali tal-Gvern, inkluż il-ħaddiema tal-Gvern, se jibdew jilbsu l-maskri f’attivitajiet pubbliċi.

Madankollu, jidher li f’nofs il-laqgħa, l-aħbar li kien hemm qabża inkredibbli fil-każijiet tal-coronavirus waslet Kastilja. Skont il-MAM, l-għadd ta’ każijiet żdied b’150% f’ġurnata waħda, u ntlaħaq livell rekord ta’ każijiet lokali. Fl-istess waqt, l-Istati Uniti wissiet liċ-ċittadini Amerikani biex ma jivvjaġġawx lejn Malta minħabba r-riskju għoli ta’ coronavirus, u dan jindika li Malta se titpoġġa fuq din il-lista l-ħażina ta’ bosta pajjiżi oħrajn.

Dr Martin Balzan, li jmexxi l-MAM u kien qed jirrappreżentaha waqt din il-laqgħa, insista li hu d-dover tal-Gvern li jikkontrolla l-epidemija u jipprojbixxi l-attivitajiet tal-massa kollha sakemm l-għadd ta’ każijiet f’jum jerġa’ jinżel għal massimu ta’ tlieta, speċjalment billi, skontu, iż-żieda fil-każijiet ġejja l-aktar mill-parties u l-attivitajiet kbar li qed isiru fil-gżira ta’ kuljum.

Dr Balzan qies il-proposta tal-Gvern li jħalli attivitajiet tal-massa jsiru b’limitu ta’ 300 persuna waħda assurda u perikoluża. Proposta oħra kienet li l-għadd ta’ nies ikun limitat għal 60 ġewwa u 100 barra, iżda din lanqas ma ntgħoġbot mill-MAM.

L-assoċjazzjoni ma biddlitx il-pożizzjoni tagħha, billi għaliha, is-saħħa, is-sigurtà u l-protezzjoni tal-membri tagħha u tal-Maltin hi aktar importanti mill-profitti li jsiru minn attivitajiet li huma persentaġġ żgħir tal-ekonomija Maltija, skont ma qalet fl-istqarrija. L-assoċjazzjoni temmet tgħid li filwaqt li tirrikonoxxi l-isforzi tal-Prim Ministru biex isaħħaħ l-infurzar, hija tikkundanna li t-tiġijiet jintużaw bħala skuża biex jitħallew isiru attivitajiet tal-massa waqt epidemija.

Bħalissa f’Mater Dei waqaf kollox ħlief l-emerġenza, appuntamenti urġenti relatati ma’ trawma, operazzjonijiet urġenti u l-obstetrika. L-assoċjazzjoni spjegat li 95% tal-membri qed iżommu mad-direttivi.

L-azzjoni industrijali bdiet ilbieraħ fit-8am, u għandha sal-Erbgħa tal-ġimgħa d-dieħla f’nofsillejl.

Ilbieraħ tħabbru 20 każ ġdid tal-coronavirus, li erbgħa minnhom kienu tfal.