L-istorja tat-tifel f’dan ir-ritratt

Hemm ċans kbir li bejn ilbieraħ u llum rajt dan ir-ritratt drammatiku ta’ dak li qed jingħad li huwa tifel Sirjan, mgħotti b’kutra, rieqed bejn l-oqbra tal-ġenituri tiegħu li mietu kawża tal-bombardamenti fis-Sirja.
Madanakollu, dan ir-ritratt mhux ħlief manipulazzjoni ta’ proġett. L-ewwelnett, dan ir-ritratt ma ttiħidx fis-Sirja iżda fl-Għarabja Sawdija u l-oqbra mhumiex vera oqbra, iżda m’huma xejn ħlief borġ ġebel li tpoġġew hekk sabiex jidhru li qishom oqbra.
It-tifel rieqed bejniethom, mhux vera tilef il-ġenituri, iżda huwa t-tifel ta’ oħt il-fotografu, li ħa dawn ir-ritratti bħala parti minn proġett tiegħu tal-arti.
Il-fotografu, Abdul Aziz al Otaibi, li għandu 25 sena saħaq li jinsab ixxukjat bil-mod kif xi ħadd irnexxielu juża x-xogħol tiegħu bħala propoganda. 
Hu spjega kif bil-proġett speċifiku ried juri kif l-imħabba ta’ wild għall-ġenituri tiegħu, hija ħaġa li ma tinbidel ma xejn, anke jekk il-ġenituri jkunu mietu.
Abdul tella’ r-ritratti fuq Facebook f’Jannar fejn irċieva bosta kummenti jistaqsu jekk kienx tefa’ tifel bejn żewġt oqbra, u hemmhekk għamilha ċara li l-oqbra kienu finti u għaldaqstant tella’ ukoll ritratti tan-neputi tiegħu bi tbissima fuq wiċċu bilqeda ħdejn l-“oqbra”.

Screenshot 2014-01-17 14.49.00

Fil-jiem li għaddew, persuna fuq Twitter ħadet ir-ritratt u biddlitu sabiex tagħti x’tifhem li kien meħud fis-Sirja. Immedjatament, bosta persuni komplew ixerrdu dan ir-ritratt, speċjalment gruppi ġiħadisti u għaqdiet Non-Governattivi.