L-istorja tal-patruna tal-vittmi tat-traffikar uman

Fit-8 ta’ Frar tkun iċċelebrata l-festa ta’ Santa Josephine Bakhita, li hi wkoll patruna tal-vittmi tat-traffikar uman.
Hu kalkulat li fl-Istati Uniti biss madwar 17,000 persuna jkunu ttraffikati kull sena. Dan il-fenomenu hu mifrux mad-dinja kollha.
Josephine Bakhita twieldet fl-1869 fis-Sudan u fi tfulitha kienet maħtufa u mibjugħa bħala skjava minn negozjati Għarab.
Fl-iskjavitù kienet imbenġla, imsawta u ttorturata u l-marki ta’ dan is-swat baqgħu jidhru fuq il-persuna tagħha.
Fl-1883 inbiegħet lil Viċi Konslu Taljan, Callisto Legani, li ħadha miegħu lejn l-Italja.
Poġġieha ma’ familja biex tieħu ħsieb lit-tfal.  Dik il-familja mbagħad ħalliet lil Josephine mas-Sorijiet f’Venezja meta marru fis-Sudan fuq negozju.
Waqt li kienet mas-sorijiet it-tfajla tgħallmet dwar il-Kristjaneżmu u ddeċidiet li ssir Kattolika u titgħammed.
Hi ma riditx tmur lura mal-familja li kienet magħha meta dawn irritornaw lejn l-Italja. Il-Qorti Taljana kienet iddeċidiet li la darba l-iskjavitù kienet illegali fis-Sudan qabel twieldet Josephine, allura hi legalment qatt ma kienet skjava u għalhekk ħelsitha mill-iskjavitù.
Kif sabet ruħha ħielsa baqgħet mas-sorijiet, tgħammdet, u fid-9 ta’ Jannar 1980 irċiviet is-sagramenti tat-Tqarbin u l-Griżma.
Fil-magħmudija ħadet l-ismijiet ta’ Josephine, Margaret u Fortunata. (Fortunata hi t-traduzzjoni bil-Latin tal-isem Għarbi Bakhita).
Tliet snin wara saret novizza mas-Sorijiet tal-Karità u għamlet il-professjoni u wara għamlet il-wegħdi finali tagħha fit-8 ta’ Diċembru 1896. 
Il-bqija ta’ ħajjitha għexitha f’kunvent f’Vicenza bħala koka u tieħu ħsieb il-bieb.
Mietet fit-8 ta’ Frar 1947 u ġiet iddikjarata qaddisa mill-Papa Ġwanni Pawlu II, fl-1 ta’ Ottubru, 2000.
Barra li hi patruna tal-vittmi tat-traffikar uman hi wkoll il-qaddisa patruna tas-Sudan, fejn twieldet.