Awdjo: L-Istorja ta’ Malta f’battalja mal-kompjuter

Aktar ma jgħaddi żmien, it-tagħlim tas-suġġett tal-istorja ta’ Malta qed jingħata dejjem inqas importanza fil-klassijiet.

F’kummenti li ta lil Newsbook, il-Professur tal-Istorja fl-Università ta’ Malta, Henry Frendo, qal li suġġetti oħra qed jieħdu post l-Istorja, b’konsegwenza li dan is-suġġett qed ikun dedikat dejjem inqas ħin minn qabel; fost oħrajn biex it-tfal ikollhom aktar ċans jitgħallmu l-kompjuter.

Il-Professur Frendo qal li dan l-atteġjament hu rifless ukoll fl-aħħar kurrikulu minimu nazzjonali. Għal dan il-kurrikulu ma saret l-ebda konsultazzjoni miegħu.

Interessanti l-fatt li fl-iskejjel sekondarji, huma ftit jew xejn li jinkludu l-istudju tal-istorja politika lokali fl-aħħar mitt sena. Saqsejna jekk il-politika fl-iskejjel ma tiġix analizzata biex ma tinħoloqx kontroversja.

Il-Professur Frendo qalilna li ma jaqbilx li fil-klassijiet tiġi diskussa l-politika, jekk fis-snin li għaddew l-istudenti ma kellomx bażi tajba fl-istudju tal-istorja.