L-istorja ta’ Daphne Caruana Galizia fuq Al Jazeera

Miguela Xuereb

Read in English.

L-istorja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia kienet waħda mill-istejjer ewlenin fi programm ta’ kull ġimgħa li jsiru fuq l-istazzjon Al Jazeera.

Il-programm The Listening Post tratta l-qtil tal-ġurnalista u l-legat li ħalliet warajha. Fuq is-sit elettroniku tal-programm, hemm miktub li huwa jirrapporta “l-aqwa fil-ġurnaliżmu, kif ukoll l-agħar stejjer li jgħaddu bħala aħbarijiet fejn it-televiżjoni mmexxija mill-istat timmonopolizza l-midja.”

Fid-dokumentarju bl-isem Murder in Malta: Daphne Caruana Galizia’s journalistic legacy ta’ disa’ minuti fuq il-ġurnalista u l-karriera tagħha, tkellmu binha Matthew, l-attivist Manuel Delia, il-ġurnalista Caroline Muscat u l-preżentatur Mark Laurence Zammit.

Qed niskopru li dak li qalet Daphne kien veru”

Mark Laurence Zammit, li jippreżenta Xarabank, qal li Malta issa qed tiskopri li dak li qalet Daphne kien veru.

Huwa stqarr li minħabba li dak li kienet tirrapporta kien surreali żżejjed xi drabi, in-nies ħasbu li dan kollu kien kbir wisq biex ikun verità. Qal li hemmhekk żbaljaw ħafna nies, għax m’emmnux dak li kienet qed tgħid. “Bħala Maltin, indunajna meta kien tard wisq,” qal Zammit.

Min-naħa tiegħu, Manuel Delia qal li l-ġurnaliżmu ta’ Daphne wasal f’punt li tant kien qed jiżvela affarijiet, li l-uniku mod kif setgħu jwaqqfuha kien billi joqtluha.

Binha Matthew Caruana Galizia qal li jemmen li għad jasal żmien meta se jkun hemm opportunità għall-kontabbiltà. Stqarr li ladarba tasal din il-ġurnata, kulħadd ikollu jistrieħ fuq informazzjoni li ħarġet permezz tal-ġurnaliżmu ta’ ommu u oħrajn bħalha.