“L-istorja qed tirrepeti ruħha” – Delia dwar il-qtil ta’ Raymond Caruana

Waqt li fakkar lil Raymond Caruana, li kien ġie assassinat 31 sena ilu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li l-istorja qed tirrepeti ruħha.
Fil-Każin tal-Gudja, il-post fejn inqatel Caruana, Dr Delia qal li l-poplu qed jgħix f’sitwazzjoni b’avvenimenti u kronoloġiji simili għal dak li ġara 31 sena ilu.
B’referenza għall-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, huwa qal li Joseph Muscat “ftaħar” li ġejjin l-FBI, l-Interpol u esperti oħra barranin iżda saħaq li kellha tkun id-Delegazzjoni tal-Parlament Ewropew, biex tikxef li l-Pulizija lanqas biss għandha r-rieda li tmexxi l-każ.
“Il-Pulizija flok jipproteġu lil min qed ifittex il-verità, qed jagħtu l-konfort lill-kriminali,” kompla jgħid il-Kap Nazzjonalista.
Semma l-każ tal-eksuffiċjal tal-Aġenzija tal-Gvern kontra l-Ħasil tal-Flus (FIAU) Jonathan Ferris, li fi kliemu kien qed jagħmel xogħlu għall-pajjiżu u llum spiċċa jibża’ għal ħajtu minħabba l-indħil tal-Gvern.
Kien hawn li saħaq li l-Partit Nazzjonalista reġa’ għandu l-missjoni li jkun il-vuċi għad-demokrazija u l-libertà, waqt li faħħar lill-Kap tad-Delegazzjoni tal-Partit Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa, “tal-kuraġġ li qed juri minkejja li l-Gvern qed jgħajru traditur.”
Fakkar li Casa għandu f’idejh rapport tal-FIAU li jirrakkomanda li għandha tinfetaħ investigazzjoni fuq il-Ministru Konrad Mizzi, liema rapport il-Ministru Mizzi jiċħad li jeżisti filwaqt li l-FIAU ssejjaħlu working document.
Il-Kap Nazzjonalista appella hawn lill-Avukat Ġenerali li għandu dmir Kostituzzjonali li jieħu passi.
Waqt li kompla jitkellem fuq l-assassinju ta’ Raymond Caruana, Adrian Delia qal li dan seħħ f’kuntest fejn il-Gvern kien iddeċieda li jagħlaq ħalq parti mill-poplu.
Fakkar li anke dak iż-żmien il-ħarsien tal-liġi (Saltna tad-Dritt) kien taħt theddida u kellha tkun il-Qorti li tiddikjara li l-Partit Nazzjonalista jista’ jinġabar għal attività tal-massa fiż-Żejtun
“Dakinhar mhux talli ma kinitx qed issir il-ġustizzja, iżda talli l-Gvern pprova jikkorrompi l-kors tal-ġustizzja,” saħaq Delia.
Temm jgħid li l-pajjiż reġa’ qed isejjaħ lill-poplu u li dan għandu għażla: jew li jibqa’ sieket, inkella jqum u jitkellem.