Aġġornata: “Nassigura li d-differenza bejnna u l-Knisja mhix se toħloq kunflitt politiku-reliġjuz ieħor”

Il-Prim Ministru, Joseph Muscat, qal li jrid jassigura li d-diverġenzi li tqajmu bejn il-Partit Laburista u l-Knisja dwar l-emendi fil-liġi li tipproteġi lill-embrijun ma joħolqux xi ġlieda politiko-reliġjuiża oħra.
Waqt li kien qed jindirizza l-Konferenza Ġenerali Annwali tal-Partit Laburista, Dr Muscat stqarr li apprezza immens il-pastorali tal-Isqfijiet li nħarġet il-ġimgħa l-oħra.
Irringrazzja lill-Knisja talli m’għalqitx il-bibien għal tfal diġà mwielda minn proċessi tal-IVF.
L-Arċisqof Charles Scicluna u l-Isqof Mario Grech kienu qalu li l-emendi fl-Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun se joħolqu orfni ġodda għax se tispiċċa l-protezzjoni tad-dinjità tal-embrijun sa mill-bidu nett tal-ħajja umana, u l-assigurazzjoni li t-tarbija titwieled b’omm u b’missier.
Minkejja r-rispett li wera lejn il-fehma tal-Knisja f’Malta, il-PM qal li dan ma jfissirx li l-Gvern jew il-PL se joqgħod bi kwietu jew ma jgħidx fejn ma jaqbilx. Sostna li l-Knisja għandha tgħid dak li temmen, iżda jrid ikun hemm djalogu.
“Il-morali mhi monopolju ta’ ħadd”
“Nittama li l-Knisja tifhem iżda li l-irwol tal-Istat mhux wieħed konfessjonarju, iżda jrid iservi lil kull ċittadin f’dal-pajjiż”, irrimarka, filwaqt li qal li l-morali mhi monopolju ta’ ħadd.
Madankollu enfasizza li l-PL ħasibha u rrifletta sewwa qabel ressaq dawn l-emendi fil-Parlament, u hawnhekk irrefera għall-kitbiet tal-eks-Kardinal Carlo Maria Martini dwar suġġetti bħar-relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess, l-IVF u l-kontraċezzjoni.
Semma wkoll lil Peter Serracino Inglott, qassis, eks-Rettur tal-Università u Professur tal-Filosofija, kif ukoll esponent tal-Partit Nazzjonalista, li fi żmienu kien qal li ma jara xejn ħażin fl-iffriżar tal-embrijuni.
“L-istorja jiktibha min iġib il-bidla”
Sadanittant, fost l-ewwel rimarki meta beda jitkellem, Dr Muscat qal li l-bidla qatt mhi faċli, iżda l-istorja hi dejjem miktuba minn min jaħdem biex iġib dil-bidla.
Qal li l-Partit Laburista jinsab fi stadju storiku tiegħu, għax irid jassigura li jkollu s-sostenn kollu biex iġib bidliet kbar oħra.
Sostna li l-għan u t-tweġiba lill-familji u n-negozji Maltin tal-PL hi li jkompli jiġġenera l-bidla, bil-maqlub għal dik li sejħilha "kriżi t'identità" tal-partit oppost, li jrid iħalli kollox kif inhu.
Għalkemm qal li l-futur ħadd ma rah, enfasizza li l-PL jeżisti għax għatxan għall-futur, filwaqt li għal ħaddieħor "il-futur ibeżża’."
Din it-tip t'argumentazzjoni tal-Partit Nazzjonalista, Dr Muscat isejħilha "tal-biża'".