​“L-istokk tat-tonn jirkupra” – Clint Camilleri

L-istokk tat-tonn irkupra mill-istat ħażin li kien fih u issa wasal iż-żmien li jinħasad il-frott tas-suċċess tal-pjan ta’ rkupru, skont is-Segretarju Parlamentari għall-Biedja u s-Sajd Clint Camilleri.
Dan qalu waqt laqgħa tal-Kunsill tal-Agrikoltura u s-Sajd fil-Lussemburgu, fejn flimkien mal-Ministri Ewropej iddiskuta fost l-oħrajn is-sajd fil-baħar Baltiku, il-laqgħa annwali tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn Atlantiku (ICCAT) li tirregola s-sajd tat-tonn u l-pixxispad, u l-aħħar żviluppi fis-suq agrikolu.
Matul id-diskussjonijiet li saru, is-Segretarju Parlamentari semma r-riżultati pożittivi li ħarġu l-ġimgħa li għaddiet waqt il-laqgħa tal-Kumitat Permanenti għar-Riċerka u Statistika (SCRS) rigward it-tonn fil-Mediterran.
Is-Segretarju Parlamentari qal li bla dubju dan l-istudju l-ġdid se jagħti bidu għall-diskussjonijiet estensivi fuq din l-ispeċi u fuq il-pjan ta’ rkupru inġenerali. Skont Camilleri, is-suċċess pożittiv tal-livelli ta’ tonn huwa riżultat tas-sagrifiċċji li għamlu s-sajjieda fuq skala żgħira u artiġjanali. Fi kliem Camilleri, dan is-settur għandu impatt minimu fuq din ir-riżorsa imma minn naħa l-oħra għandu effetti soċjo-ekonomiċi sinifikanti fuq il-komunitajiet żgħar li jiddependu fuq is-sajd.
Camilleri sostna li wasal iż-żmien li jiġu ppremjati l-isforzi li għamlet il-flotta ta’ sajjieda fuq skala żgħira u artiġjanali billi jsir pjan ta’ tmexxija tat-tonn. Qed jistenna li dan il-pjan iġib miegħu simplifikazzjoni tal-miżuri kif ukoll potenzjalment żieda fl-allokazzjoni tal-kwota.
Fid-diskors tiegħu, is-Segretarju Parlamentari rrikonoxxa wkoll ix-xogħol siewi li qed twettaq il-Kummissjoni fil-monitoraġġ tas-swieq agrikoli tal-Unjoni Ewropea. Huwa qal li dan jgħin sabiex il-bdiewa Ewropej ikunu infurmati bl-aħħar żviluppi biex b’hekk ikollhom biżżejjed informazzjoni ħalli jkunu jistgħu jippjanaw għall-futur.
Huwa elabora kif il-Gvern Malti dejjem appoġġja inizjattivi li jgħinu lill-bdiewa jimmaniġġjaw diversi fatturi barra mill-kontroll tagħhom bħas-sanzjonijiet tar-Russja, riperkussjonijiet negattivi minħabba mard tal-annimali, u b’mod partikolari minħabba temp instabbli.
Is-Segretarju Parlamentari temm jgħid li jappoġġja lill-Kummisjoni fl-inizjattivi tagħha li ssib swieq terzi fejn il-provisti żejda jistgħu jinbiegħu bi prezz ogħla.