​L-istipendju lil studenti li rrepetew fisser €548,000

L-istipendju mogħti lil studenti li rrepetew sena fil-kors tagħhom fissru spiża ta’ €548,210.64 matul l-2014.
B’kollox, l-istipendju ngħata lil 1,181 student, fil-parti l-kbira tagħhom dawk li kienu qed jirrepetu sena fl-edukazzjoni tagħhom post-sekondarja.
Hawnhekk intefqu €296,909.58.
L-istipendju ngħata lil 298 student li rrepeta sena fl-MCAST u lil 292 student ieħor fl-Università ta’ Malta, b’investiment ta’ €101,826.36 u €149,474.70 rispettivament.
Il-Ministru Evarist Bartolo kien qed iwieġeb Mistoqsija Parlamentari tad-deputat Laburista Anthony Agius Decelis.
Evarist Bartolo qal li fost l-istudenti li issa bdew jingħataw stipendju, kien hemm diversi li kkwalifikaw għal għotja supplimentari minħabba raġunijiet bħal dħul baxx tal-familja, diżabilità, mard jew kundizzjonijiet oħra partikolari fil-familja.
Newsbook.com.mt il-ġimgħa li għaddiet, ippubblika storja dwar studenti li qed jilmentaw li minkejja li qed isegwu kors full-time, mhux jingħataw stipendju. Il-Gvern qal li dawn mhumiex eliġibbli għax qed jagħmlu sena addizzjonali.