L-istima tal-impatt ambjentali tal-pipeline għas-sena d-dieħla – Mizzi

Il-Ministru għall-Enerġija u l-Immaniġġjar tal-Ilma, Joe Mizzi, qal li l-gvernijiet ta’ Malta u ta’ Sqallija qed jippreparaw għadd ta’ tenders sabiex jinħarġu l-istima tal-impatt ambjentali u l-permessi għall-proġett tal-pipeline tal-gass bejn Malta u l-Italja s-sena d-dieħla.  
Waqt laqgħa bilaterali mal-President ta’ Sqallija, Rosario Crocetta, Mizzi qal li l-proġett se jsaħħaħ il-provvista u s-sostennibiltà tal-enerġija f’Malta.
Mizzi kompla jgħid li l-proġett qed jitqies bħala ‘Proġett ta’ Interess Komuni Ewropew’, u għalhekk se jiġi ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea.  
Il-pipeline se jkun jista' jissupplixxi 2 biljun metru kubu ta’ gass naturali fis-sena, u se jkun twil 159 kilometru, b’7 kilometri minnhom fir-reġjun ta’ Gela. Fl-istess reġjun, se jkun hemm ukoll stazzjon li jgħaqqad il-pipeline man-netwerk tal-gass fi Sqallija.
Ritratti: MEW