Filmat u ritratti: Roberto Carlos b’messaġġ ta’ tama għall-morda bil-kanċer

Read in English.

L-eks difensur ta’ Real Madrid u internazzjonali Brażiljan Roberto Carlos wassal messaġġ ta’ tama lill-pazjenti morda bil-kanċer.

Roberto Carlos kien mistieden ta’ Puttinu Cares waqt il-maratona tal-futbol li qed issir f’dawn il-jiem fil-Marsa.

Carlos għadda messaġġ pożittiv u ta’ mħabba u appella biex anki f’dawn il-mumenti diffiċli, wieħed għandu jgħaddi messaġġ ta’ ferħ.

Id-difensur Brażiljan qal li fil-familja tiegħu għandu persuni li għandhom il-kanċer u dejjem jipprova jagħmilhom kuraġġ u jżomm ambjent ferrieħi.

Huwa qal li fil-Brażil kemm-il darba jżur sptarijiet tat-tfal morda bil-kanċer.

Roberto Carlos kien meqjus bħala wieħed mill-aqwa difensuri fuq ix-xellug fl-aħħar snin. Hu lagħab ma’ Real Madrid bejn l-1996 u l-2007 u rebaħ l-erba’ kampjonati Spanjoli u l-UEFA Champions League tliet darbiet.

Mat-tim nazzjonali Brażiljan, Carlos skorja 11-il gowl f’125 logħba. Mal-Brażil, rebaħ it-tazza tad-Dinja fl-2002 u jibqa’ mfakkar kif kien jirnexxielu jobrom il-ballun minn free-kick. Fl-aħħar tal-karriera, kien żvela li s-sigriet kien li jolqot il-ballun mill-valv ta’ fejn jintefaħ.

Filmati: Miguela Xuereb