L-istil trijonfali ta’ Mattia Preti

F’taħdita organiżżata mill-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann il-Ħamis li ġej, 4 t’April, il-Professur Keith Sciberras se jiddiskuti l-istil trijonfali fix-xogħol ta’ Mattia Preti (li pitter is-saqaf tal-istess Kon-Katidral). Din se tkun it-tieni taħdita, u tfakkar l-400 anniversarju mit-twelid ta’ Preti. L-ewwel taħdita kienet saret mill-Professur John Spike aktar kmieni dan ix-xahar. Il-Kuratur tal-Fondazzjoni tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann Cynthia de Giorgio qalet li l-pubbliku jidher interessat f’inizjattivi ta’ dan it-tip.

Il-Professur Keith Sciberras huwa l-Kap tad-Dipartiment tal-Istorja tal-Arti fl-Universita ta’ Malta u ppubblika diversi kitbiet dwar Caravaggio, l-iskultura barokka Rumana u l-pittura barokka. Huwa ta’ wkoll il-kontribut tiegħu f’diversi proġetti ta’ riċerka u wirjiet internazzjonali, fosthom il-wirja Caravaggio: The Final Years. Huwa kiseb il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għar-Riċerka u l-Aħjar Pubblikazzjoni fl-2006, fl-2009 u fl-2010.

It-taħdita hija miftuħa għall-pubbliku u tibda fis-6.30 ta’ filgħaxija, fil-Kon-Katidral ta' San Ġwann. Waqt dan id-diskors, il-Prof Sciberras se jkun qed jispjega l-elementi ewlenin li l-iżjed jiddefinixxu l-istil uniku ta’ Mattia Preti u li tant għamluh rilevanti fl-iżvilupp ta’ l-arti f’Malta fis-seklu 17.