L-istil ta’ ħajja attwali jista’ jkollu konsegwenzi katastrofiċi

Tliet snin wara l-pubblikazzjoni tal-enċiklika ambjentali tiegħu, il-Papa Franġisku wissa’ li l-mudell attwali tal-konsum, l-iskart u l-ħsara ambjentali se jkollhom konsegwenzi katastrofiċi.

Fid-diskors tal-ftuħ li għamel lil madwar 400 parteċipant f’summit dwar l-ambjent li sar fil-Vatikan f’dawn il-jiem, il-Papa qal li l-gvernijiet u l-istituzzjonijiet finanzjarji jridu jaħdmu favur il-protezzjoni tal-ambjent.

“Il-Gvernijiet kollha jridu jonoraw il-Ftehim ta’ Pariġi dwar il-klima biex ikunu evitati konsegwenzi teribbli għall-ambjent”, qal il-Papa.

Żied jgħid li l-mudelli ta’ konsum, l-istil ta’ ħajja, il-ħela u l-ħsara ambjentali qabżu dak li tiflaħ  għalih id-dinja. Dan l-istil ta’ ħajja jista’ jwassal għal konsegwenzi katastrofiċi u jħalli lill-ġenerazzjonijiet futuri  bi pjaneta magħmula minn “deżerti, fdalijiet u ħmieġ.

Hu qal li l-laqgħa li se ssir f’Diċembru fil-Polonja tista’ tkun kruċjali biex ikunu mplimentati u nifruxa l-miri tal-Ftehim ta’ Pariġi fuq it-tibdil fil-klima.

Papa Franġisku qal “It-tnaqqis tal-gassijiet jinħtieġ kuraġġ, onestà u responsabbiltà, li prinċipalment għandhom jiġu mill-aktar pajjiżi b’saħħithom u l-aktar pajjiżi li qed iħammġu”.  Din id-dikjarazzjoni tista’ titqiesbħala kritika għall-President Amerikan Donald Trump li ddeċieda li joħroġ lill-pajjiżu mill-Ftehim ta’ Pariġi.