Awdjo: “L-istigma qed tbiegħed professjonisti mill-kura tas-saħħa mentali”

Ir-rapport annwali maħruġ mill-Kummissarjat għas-Saħħa Mentali jisħaq dwar in-nuqqas ta’ investiment, min-naħa tal-awtoritajiet, fis-settur tas-saħħa mentali.
F’kummenti lil Newsbook.com.mt, il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali, Dr John Cachia, qal li l-investiment mhux nieqes biss fl-infrastruttura imma fis-settur kollu, speċjalment fir-riżorsa umana,
Dr Cachia spjega li meta wieħed iqabbel kemm hemm speċjalisti fil-qasam tas-saħħa mentali ma’ pajjiżi oħra, in-numri ta’ Malta huma baxxi ferm.
Żied jgħid li f'Malta hawn żbilanċ kbir bejn in-numru ta’ infermiera ġenerali u dawk li huma speċjalizzati fil-kura tas-saħħa mentali.
Ma’ Newsbook.com.mt, Dr Cachia qal li l-problema ewlenija hija li l-istigma mhux marbuta biss ma’ persuni li jbatu mis-saħħa mentali, imma wkoll mal-professjonisti li jaħdmu jew ikunu mħajra li jaħdmu magħhom.
“L-investiment fil-qasam tal-infrastuttura, iżda anke fir-riżorsa umana, għandhom jingħataw il-priorità meħtieġa għax huma ż-żewġ pilastri li fuqhom irid jimxi s-servizz fil-futur,” saħaq Cachia.
Kien għalhekk li appella li meta l-awtoritajiet jindirizzaw l-istigma fil-qasam tas-saħħa mentali, jindirizzaw ukoll l-istigma li tbiegħed studenti milli jispeċjalizzaw fil-kura tas-saħħa mentali.