​L-istess salarju għall-irġiel u n-nisa fit-tim nazzjonali Norveġiż

Plejers irġiel u nisa tat-tim nazzjonali Norveġiż se jkunu qed jirċievu l-istess ammont ta' salarju, f'dak li huwa mifhum li hija xi ħaġa li qed isseħħ għall-ewwel darba fl-istorja tal-futbol mondjali. Dan hekk kif normalment plejers irġiel li jirrappreżentaw lil pajjiżhom ikollhom salarji bil-bosta ikbar minn dawk tan-nisa.
L-ammont ta' salarju li se jkunu qed jirċievu plejers tat-tim nazzjonali tan-nisa se jkun qed jirdoppja minn €330,740 għal €640,130 fis-sena.
Dan il-ftehim intlaħaq hekk kif it-tim nazzjonali Norveġiż tal-irġiel qabel li jkollu tnaqqis fis-salarju tiegħu biex ikun hemm ristrutturar fis-salarji u b'hekk it-tim nazzjonali tan-nisa jkollu l-istess salarju għal dak tal-irġiel. Il-winger Norveġiża Caroline Graham Hansen irringrazzjat bis-sħiħ lit-tim nazzjonalli tal-irġiel għal din id-deċiżjoni li ħadu.
F'post li tefgħet fuq Instagram, hija qalet li forsi d-deċiżjoni li ħa t-tim nazzjonali tal-irġiel Norveġiż kienet xi ħaġa żgħira għalihom u forsi din mhux se tkun qed tħalli effett partikolari fuq is-salarji tagħhom. Iżda hija saħqet li dan kollu jfisser ferm għat-tim nazzjonali tan-nisa, għall-isport tagħhom u għall-atleti nisa mxerrdin madwar id-dinja kollha li jagħmlu l-istess xogħol u jipprattikaw l-istess sport bħal dak tal-irġiel iżda jitħallsu ferm inqas.
Dan mistenni jġib bidla konsiderevoli fil-ħajja ta' dawn il-plejers Norveġiżi nisa hekk kif uħud minnhom jaħdmu u jistudjaw ukoll barra li jilagħbu l-futbol, u b'hekk ftit li xejn ikollhom ċans li jtejbu l-wirjiet tagħhom fil-grawnd. Intant, il-Federazzjoni tal-Futbol Norveġiża qed tqis dan il-pass bħala investiment fit-tul biex ikompli jiżdied il-livell tat-tim nazzjonali tan-nisa. Dan il-kunċett fejn it-tim nazzjonali Norveġiż tal-irġiel u dak tan-nisa se jkollu l-istess salarju se jiġi introdott fil-bidu tas-sena d-dieħla.