L-istennija għas-sussidju tal-kera se tonqos bi tliet kwarti taż-żmien

Il-proċess tal-għoti tas-sussidju tal-kera se jitħaffef minn madwar 4 xhur għal 4 ġimgħat, u dan qalu s-Segretarju Parlamentari għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes.
Galdes qal li dan it-tibdil se jqassar iż-żmien li persuni jew familja bi dħul baxx ikollhom jistennew mindu japplikaw għal biex jirċievu tweġiba, u rrimarka li hu konxju tal-isfidi u l-problemi li jiltaqgħu magħhom l-applikanti.
“Din il-miżura se taffettwa direttament lill-membri l-aktar vulnerabbli tas-soċjetà”, żied Galdes.
Dis-sena l-Awtorità tad-Djar irċeviet 1,016 applikazzjoni għall-iskema l-ġdida tas-sussidju tal-kera. L-iskema tapplika għall-kera mħallsa fis-settur privat minn persuni bi dħul baxx għal postijiet mikrija bħala residenza ordinarja.
Is-Segretarju Parlamentari temm jirringrazzja lit-tmexxija u lill-impjegati tal-Awtorità tad-Djar għall-kooperazzjoni tagħhom biex din il-bidla setgħet isseħħ mill-bidu ta’ dan ix-xahar.
Ritratt: Arkivji