Filmat: L-istejjer ta’ Daphne se jkomplu ħerġin jumejn oħra

Grupp ta’ 45 ġurnalist ħadmu flimkien biex ikomplu x-xogħol li bdiet il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.
Fi stqarrija, il-ġurnalisti qalu li x-xogħol tagħhom se jibda jiġi ppubblikat fis-17 ta’ April.
Il-ġurnalisti spjegaw li ilhom ħames xhur jaħdmu fuq il-proġett “janalizzaw is-sejbiet tagħha, jiġbru dokumenti, u jitkellmu ma’ sorsi”.
Il-kollaborazzjoni msejħa “The Daphne Project” ġiet ikkoordinata mill-organizzazzjoni Forbidden Stories. Din hija organizzazzjoni bbażata f’Pariġi li l-għan tagħha huwa li tkompli x-xogħol ta’ ġurnalisti li jinqatlu jew li jiġu arrestati.
Il-Proġett tar-Rappurtaġġ dwar il-Kriminalità Organizzata u l-Korruzzjoni (OCCRP) ffaċilitat il-qsim tad-dokumenti u l-informazzjoni bejn l-organizzazzjonijiet li jagħmlu parti minn The Daphne Project. L-OCCRP assenjat riċerkaturi u ġurnalisti biex jinvestigaw id-diversi allegazzjonijiet dwar illegalitajiet li twettqu "minn dawk li għandhom l-aktar poter f’Malta".
Il-ġurnalisti qalu li “ix-xemx kienet qed tiddi dakinhar li l-assassini qatlu lil Daphne. Issa l-kollegi tagħha se jkunu qed ipoġġu d-dawl fuq l-istejjer li qatluha”.
Fi kliem il-ġurnalisti, l-investigazzjoni b’rabta mal-assassinju għadha għaddejja. Però, saħqu li nqatlet minħabba x-xogħol tagħha u li hemm biss ftit dubju li dan ma kienx il-każ.
Il-kmamar tal-aħbarijiet li kienu involuti fil-proġett ġejjin minn The New York Times, Reuters, The Guardian u Süddeutsche Zeitung fost l-oħrajn. Minn Malta qed tieħu sehem it-Times of Malta.