L-istejġ tal-karozza tal-linja mhux tajjeb għall-maltemp – GUG

Il-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG) qal li l-istejġ ta’ fejn bosta studenti jistennew biex jaqbdu tal-linja miċ-Ċirkewwa lejn l-Università mhux f’kundizzjoni tajba biżżejjed biex tilqa’ kontra l-elementi.

Fi stqarrija l-GUG qal li għal diversi drabi ppruvaw jiġbdu l-attenzjoni lill-Awtoritajiet iżda l-isforzi kollha ssarfu fix-xejn. L-Organizazzjoni saħansitra kelllha laqgħa mal-Ministru għat-Trasport, Ian Borg propju s-sena l-oħra.

Fl-istqarrija l-Organizazzjoni spjegat kif l-istejġ ddeterjora sal-punt li l-ħadid ssaddad u mill-parti ta’ fuq tat-tinda qed jinżel l-ilma. Għalhekk l-istudenti u dawk kollha li jkunu qed jistennew tal-linja tasal, m’għandhomx post adekwat fejn jistkennu mill-elementi.

L-Organizazzjoni stqarret li tispera li l-appell ma jerġax jaqa’ fuq widnejn torox u tittieħed azzjoni mill-aktar fis possibbli.