L-istazzjonijiet BBC Earth u CBeebies offruti f’Malta għall-ewwel darba

L-istazzjon fattwali BBC Earth u l-aqwa stazzjon tat-televiżjoni għat-tfal tal-età ta’ qabel jibdew l-iskola, CBeebies, issa huma disponibbli fil-pakkett televiżiv ta’ Melita li jinkludi aktar minn 140 kanal.
BBC Earth jista’ jinsab fuq kanal numru 419 u CBeebies fuq kanal numru 471. CBeebies huwa wieħed mill-istazzjonijiet tat-tfal l-aktar fdati madwar id-dinja. Dan l-istazzjon għandu l-għan li jinkoraġġixxi t-tagħlim permezz tal-logħob f’ambjent sikur, għal tfal li għandhom anqas minn sitt snin. Dan l-istazzjon huwa l-aktar wieħed segwit fir-Renju Unit, u rebaħ diversi premijiet bi programmi bħal Hey Duggee, Go Jetters u Charlie and Lola, u wkoll rebaħ ħafna tifħir madwar id-dinja.
BBC Earth jinkludi taħlita rikka ta’ kontenut fattwali importanti, bħal serje meraviljuża ta’ storja naturali kif ukoll dokumentarji ta’ livell tassew għoli. L-istazzjon jesibixxi x-xogħol ta’ uħud mill-aqwa produtturi ta’ films madwar id-dinja, billi jieħu lill-udjenzi fuq vjaġġ uniku ta’ skoperta.
Fost programmi popolari oħra bħal Astronauts: The Toughest Job in the Universe, u Meet the Humans – serje tax-xjenza li teżamina lill-bnedmin taħt mikroskopju – BBC Earth fuq Melita ser juri wkoll Blue Planet II– serje li rebħet diversi unuri dwar l-oċeani tad-dinja u l-programm ta’ storja naturali l-aktar segwit. 

Matul it-tnedija uffiċjali li ġiet organizzata fil-British High Commission f’Malta, Simon Cottle, id-Direttur ta’ Affiliate Sales għall-Ewropa tal-Punent tal-Istudjos ta’ BBC qal, “Aħna tassew kuntenti li sseħibna ma’ Melita sabiex inwasslu dawn l-istazzjonijiet prestiġjużi lill-udjenza Maltija. BBC Studios għandhom relazzjoni twila u stabbilita sew mal-Melita, li kienu l-għażla ovvja sabiex jitnedew l-istazzjonijiet ta’ BBC Earth u CBeebies f’Malta.”