L-istazzjon tal-ferrovija se jkun inkluż mal-Parlament

Il-faċilitajiet li jinsabu fil-livell ta’ taħt l-art tal-Parlament se jinbidlu f’arkivju, librerija ta’ riċerka, kamra tal-kumitati u uffiċini għal-librara u għar-riċerkaturi.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet mill-Ispeaker tal-Kamra, Anġlu Farrugia.
Snin ilu dan il-livell kien jokkupa l-istazzjon tal-ferrovija.
L-Ispeaker irrimarka li l-bini attwali tal-Parlament għandu diversi sfidi fosthom dawk li għandhom x’jaqsmu mal-ispazju għaż-żamma tal-arkivji, kif mitlub mill-istess Ordnijiet Permanenti tal-Kamra.
Dan minbarra nuqqas ta’ spazju ta’ uffiċċji għall-ħaddiema, kemm dawk attwali kif ukoll dawk li jeħtieġ jiġu ingaġġati biex is-Servizz Parlamentari jkun jista’ jsaħħaħ is-servizzi li joffri. 
Il-pjanijiet jaħsbu biex fis-sit imsemmi jkun hemm kamra għall-Kumitati mgħammra bit-teknoloġija neċessarja biex, kif isir waqt il-laqgħat tal-kumitati l-oħra, il-proċeduri jiġu traskritti kif ukoll imxandra. 
L-Ispeaker Farrugia indika wkoll li l-iżvilupp se jservi bħala spazju fejn il-Membri jkunu jistgħu jiltaqgħu f’atmosfera inqas formali. 
Fil-konferenza tal-aħbarijiet tkellmu wkoll l-iskrivan tal-Kamra u uffiċjali għolja mill-Grand Harbour Regeneration Corporation (GHRC) fosthom iċ-Chairperson Stefan Zrinzo Azzopardi, il-Kap Eżekuttiv Gino Cauchi u wieħed mill-periti ewlenin tal-proġett Clive Borg Bonaci.
RITRATT: DOI – Kevin Abela